Equity Sharing

Skop tal-iskema

L-iskema ta’ Equity Sharing tapplika għal persuni li għandhom erbgħin (40) sena jew aktar u li qegħdin isibu diffikultà jixtru r-residenza tagħhom għaliex minkejja li għandhom ammont ta’ assi limitati, minħabba l-età tagħhom qiegħdin isibuha diffiċli jaċċessaw self (loan) mill-bank. Għalhekk, permezz tal-għajnuna li se toffri l-Awtorità tad-Djar, lil dawk eliġibbli, dawn il-persuni se jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom.

L-applikanti eliġibbli iridu jixtru mhux anqas minn nofs il-proprjetà waqt li l-parti l-oħra se tkun qegħda tixtriha l-Awtorità tad-Djar, bl-applikant ikollu l-obbligu li jixtriha minn għand l-Awtorità, bl-istess prezz akkwistatha minnha, wara għoxrin (20) sena.

L-APS Bank plc, soġġett li jiġu sodisfatti l-kriterji kollha tal-Bank, ser jagħti self sa massimu ta’ €160,000 sabiex tinxtara proprjetà fi stat finished u abitabbli, jew fi stat shell li tista’ titlesta għal stat abitabbli iżda dan biss fejn l-ispiża totali tax-xiri u l-finishing ma teċċedix €200,000.​
​Kundizzjonijiet tal-iskema

  • ​L-Awtorità tad-Djar se tiffinanzja bejn €20,000 u €100,000 għax-xiri ta’ proprjetà li ma teċċedix il-€200,000;
  • Il-proprjetà li ser tinxtara mill-applikanti trid tkun mibnija bil-permessi kollha rikjesti;
  • L-applikanti se jkunu obbligati li mill-assi tagħhom, jiffinanzjaw mill-anqas 10% tal-prezz tal-proprjetà li se jkunu se jakkwistaw permezz ta’ din l-iskema;
  • L-applikanti se jkunu obbligati li wara 20 sena jixtru s-sehem li tkun xtrat l-Awtorità tad-Djar, l-applikanti jkunu jistgħu jagħmlu dan anke qabel għeluq dan iż-żmien;
  • F’każ li l-applikanti ma jkunux f’pożizzjoni finanzjarja li jixtru s-sehem l-ieħor, it-tfal jew l-eredi tagħhom (bil-permess tal-ġenituri tagħhom jekk ikunu għadhom ħajjin) se jingħataw l-opportunità li jagħmlu dan;
  • Il-proprjetà li ser tinxtara mill-applikanti trid tintuża mill-applikant bħala r-residenza tiegħu;
  • Id-deċiżjoni tal-APS Bank plc fir-rigward tal-għoti tas-self lill-applikanti tkun finali.

Min jista’ japplika

Jistgħu japplikaw għal din l-iskema, dawk il-persuni li sad-data tal-ewwel pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż

fil-Gazzetta tal-Gvern, ikunu:

Koppji miżżewġin jew żewġ persuni imsieħba f’Unjoni Ċivili – wieħed mill-applikanti jrid ikollu 40 sena fid-data tal-applikazzjoni;

  • Ġenitur wieħed li jkollu 40 sena jew aktar li jkollu tifel/tifla jew tfal jgħixu miegħu li m’humiex miżżewġin;
  • Żewġ Persuni flimkien – wieħed mill-applikanti jrid ikollu 40 sena jew aktar fid-data tal-applikazzjoni;
  • Ġuvni jew xebba li għandhom 40 sena jew aktar;
  • Persuna legalment separat/a li għandha 40 sena jew aktar, mingħajr tfal jgħixu miegħu/magħha;
  • Ċittadini Maltin jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ ċittadini mill-Unjoni Ewropea jridu jkunu qed jakkwistaw l-ewwel residenza u jridu wkoll jissodisfaw il-kriterji maħruġa minn Awtorità jew mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fil-każ ta’ miżżewġin jew żewġ persuni imsieħba f’Unjoni Ċivili mhux legalment separati, biżżejjed li parti waħda tkun Maltija;
  • Applikanti waħidhom (single) u f’każ ta’ żewġ persuni flimkien, miżżewġin jew żewġ persuni imsieħba f’Unjoni Ċivili, għall-inqas wieħed mill-applikanti għandu jkun impjegat bi qliegħ full time sa mill-anqas sena qabel id-data tal-ħruġ ta’ din l-iskema;
  • Ikollhom ir-residenza permanenti f’Malta għal mill-anqas sena matul it-tmintax-il xahar preċedenti;
  • Ikollhom dħul annwu aggregat bażi tas-sena preċedenti tad-data tal-applikazzjoni li ma jkunx eċċeda l-€40,000;

Metodu ta’ applikazzjoni

 

Persuna li tikkwalifika taħt din l-iskema għandha tissottometti applikazzjoni fuq formola preskritta u għandha tieħu l-formola personalment lill-Awtorità waqt il-ġranet u ħinijiet tal-uffiċċju.
 
Il-formoli jistgħu jinġabru mill-Awtorità tad-Djar 22, Triq Pietro Floriani, Floriana u mill-fergħa tal-Awtorità tad-Djar 25, Triq Enrico Mizzi, Victoria, Għawdex jew fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità ww.housingauthority.gov.mt  



It-Termini u Kundizzjonijiet tal-iskema jistgħu jitniżżlu minn hawn - MT​ - EN ​​  

Applikazzjoni Onlajn - MT​ - EN

Applikazzjoni MT - EN