Sir Sid Darek 2014

Skema biex tħajjar inkwilini ta’ appartamenti, djar u maisonettes tal-Awtorita’ tad-Djar u tad-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern jsiru sidien ta’ darhom.
 
Il-fond ser jinbiegħ bħala tale quale u il-garanzija dwar difetti latenti qed tiġi eskluża.
 
Applikazzjonijiet għax-Xiri
 
Persuna tikkwalifika biex tapplika jekk:-
 
L-applikant/mart/żewġt l-applikant iridu jkunu ċittadini Maltin jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea;
 
Fil-każ ta’ miżżewġin mhux separati/divorzjati, bizzejjed li parti waħda tkun Maltija jew ċittadina tal-Unjoni Ewropea;
 
Applikanti li joqogħdu ġewwa djar tal-anzjani jistgħu japplikaw sabiex jixtru r-residenza tagħhom la darba biss wliedhom jkunu għadhom jgħixu fil-fond mikri. L-inkwilini konoxxuti jkunu kkunsidrati għal kalkulazzjoni ta’ sussidju.
 
L-applikazzjoni ma tiġix aċċettata kemm-il darba ma titħallasx magħha s-somma ta' €20 (l-ewwel applikazzjoni) u €40 (it-tieni applikazzjoni) bħala ħlas.
 
Applikanti ma jibbenefikawx taħt din l-Iskema jekk:-
 
ibbenefikaw minn xi fond maħruġ mill-Awtorita’ tad-Djar permezz ta’ Avviz Legali, minn xi skema tal-Home Ownership, minn xi skema ta’ “Ixtri Darek”, maħruġa mill-Awtorita’/ Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali / Dipartiment tal-Artijiet, mill-Korpi parastatali jew minn xi Awtorita’ lokali biex jgħinuh isir sid ta’ daru;
 
kienu akkwistaw art mill-Gvern li kienet ġiet esproprijata bis-saħħa tad-dispozizzjonijiet tal-Att tal-1983 dwar Arei għall-Izvilupp tal-Bini (Cap 303) jew post ta’ abitazzjoni mill-Awtorita’ tad-Djar, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Uffiċċju Konġunt, mill-Korpi parastatali jew minn xi Awtorita’ lokali;
 
Prezz Tax-Xiri
 
Il-prezz tax-xiri jkun il-prezz issussidjat wara li jitnaqqas is-sussidju li jammonta għall-50%.
Is-Sussidju jingħata biss jekk l-inkwilini ma jkunux jipposjedu assi kapitali li jkunu aktar minn €150,000.
F’każ li l-applikanti jkollhom assi kapitali ta’ aktar minn €150,000 l-applikanti xorta waħda jkunu jistgħu jixtru l-fond iżda dawn ma jingħatawx sussidju fuq il-prezz.
 
Ħlas għax-Xiri tal-Fond
 
10% tal-prezz issussidjat jitħallas fuq il-konvenju u
90% jitħallas mal-kuntratt finali;
Il-kuntratt finali għandu jsir mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-konvenju..
 
Kundizzjonijiet tal-Bejgħ
 
Kull fond mixtri m’għandux jiġi trasferit taħt xi titolu (ikun xi jkun) mill-benefiċjarju barra minn każ ta’ trasmissjoni causa mortis, kemm-il darba ma jħarisx id-dispozizzjonijiet li ġejjin ta' din il-klawsola.
 
L-fond għandu jiġi okkupat biss mix-xerrejja bħala residenza ordinarja tagħhom għal perijodu ta’ mhux anqas minn 10 snin mid-data tal-kuntratt finali.
 
L-fond mixtri taħt din 1-iskema ma jistax jiġi trasferit bl-ebda titolu la reali u l-anqas personali Inter Vivos qabel 1-għeluq tal-10 snin mid-data tal-kuntratt finali.
 
Meta t-trasferiment ikun ser isir:-
 
(a)qabel il-perijodu tal-10 snin mid-data tal-kuntratt finali l-benefiċċarji għandhom jirrifondu lill-Awtorita’ kull sussidju gawdut. Tali bejgħ jista jsir jekk ikun hemm il-kunsens minn qabel tal-Awtorita’ tad-Djar.
 
(b)kemm wara u kemm qabel l-għeluq tal-għaxar (10) snin mid-data tal-kuntratt finali, il-benefiċjarji għandhom jinformaw lill-Awtorita’ b’dan mill-anqas xahrejn qabel id-data tal-att ta’ trasferiment.
 
L-ebda parti mill-proprjeta’ mixtrija ma tista’ tintuza għall-użu kummerċjali qabel l-għeluq 10 snin mill-kuntratt.
 
Wara 10 snin dan il-permess ikun jista’ jingħata kontra ħlas sa massimu ta’ 25% tas-sussidju gawdut. Din il-klawsola m’hiex applikabbli f’dawk il-każijiet fejn l-applikanti ma jingħatawx sussidju fuq il-prezz.
 
F’każ ta’ appartamenti, il-benefiċjarji jkollhom l-obbligu li jsiru membru jew li jifformaw, f’każ li m’hemmx, flimkien ma’ akkwirenti oħra fl-istess blokk t’appartamenti, Assoċjazzjoni tal-Kondominju.
 
Il-benefiċjarji jobbligaw ruħhom wkoll illi ma jżommu l-ebda annimal/i fl-ebda parti tal-binja, fil-fond inkluż il-bejt, partijiet komuni tal-binja.
 
F’każ tal-bjut komuni, dawn jistgħu jintużaw biss għall-inxir tal-ħwejjeġ, u mhux permess isiru parties jew barbecues jew attivitajiet oħra.
 
Il-bejt u l-partijiet komuni f’każ ta’ appartament jibqgħu l-proprjetà assoluta tal-Awtorità li tirriserva d-dritt li tibni sulari oħra u li tagħti dritt ta’ użu tal-bejt u l-partijiet komuni lil terzi persuni tal-bejt u tal-partijiet komuni
 
Il-partijiet komuni fil-każ ta’ blokki ta’ appartamenti li jinkludu l-bieb prinċipali, l-entratura, il-kurituri li jwasslu għal ġol-appartamenti, it-taraġ kollu sa fuq il-bejt, it-tromba tal-bejt, il-bjut komuni kollha (dawn jista’ jinkludu bjut fuq penthouses, ix-xafts u l-bibien tax-xafts, il-partijiet komuni kollha ta’ madwar il-Binja, jekk applikabbli, il-bokka tal-lift u l-lift innifsu) ma jkunux inklużi fil-bejgħ.
 
L-Awtorita’ tirriserva d-dritt ukoll li tirrifjuta kull applikazzjoni għax-xiri fost oħrajn iżda mhux biss, proprjeta’ li jkollha valur storiku, rziezet, farmhouses, vilel u proprjeta’ oħra b’potenzjal ta’ żvilupp, u dan fid-diskrezzjoni assoluta tagħha. Id-deċizjoni tal-Awtorita’ tad-Djar tkun finali.
 
Il-bejgħ tal-proprjeta’ ma jsrix f’każ ta’ alterazzjonijiet fil-binja u strutturi illegali. F’każ fejn jeżistu tali strutturi l-Awtorita’ tista tagħżel li ma tbiegħx qabel ma jkun ġie sanzjonat in-nuqqas – u dan fid-diskrezzjoni assoluta tal-Awtorita’.
 
It-Termini u Kundizzjonijiet tal-Iskema jistgħu jitniżżlu minn hawn MT​​ - EN 

Applika Onlajn - MT - EN​

Nizzel kopja tal-​Ap​plikazzjoni MT - EN​