Skema Nikru biex Nassistu

Skema biex tilqa’ proposti mingħand sidien ta’ proprjetà  residenzjali vojta li jixtiequ jikruha lill-Awtorità tad-Djar għall-iskop ta’ akkomodazzjoni soċjali.

L-għan ta’ l-iskema

L-għan ta’ din l-iskema huwa li jinkoraġġixxi sidien ta’ proprjetà residenzjali vojta u privata b’1, 2 jew 3 kmamar tas-sodda fi stat ta’ finished, ġebel u saqaf u fuq il-pjanta biex jikruha lill-Awtorità tad-Djar għal perjodu ta’ għaxar (10) snin.    Minn naħa tagħha, l-Awtorità tad-Djar tikri dawn il-proprjetajiet lill-persuni li huma eliġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali.

Kriterja

  • Is-sid irid jikri l-proprjetà lill-Awtorità tad-Djar għal perjodu ta’ għaxar (10) snin;
  • L-applikant jagħti d-dritt lill-Awtorità tad-Djar illi terġa’ tikri l-istess proprjetà lil terzi fid-diskrezzjoni assoluta ​tagħha;
  • L-applikant għandu d-dritt legali li jikri l-proprjetà lill-Awtorità;
  • Il-proprjetà trid tkun finished skont is-sengħa u l-arti u lesta għall-abitazzjoni mingħajr bżonn ta’ spejjeż addizzjonali mill-Awtorità sad-data li jiġi ffirmat il-kuntratt tal-kera bejn l-applikant u l-Awtorità;
  • Preferenza tingħata lill-proprjetajiet li jkunu kompletament aċċessibbli;
  • Il-proprjetà għandha tkun mibnija skont il-permessi tal-bini, regolamenti sanitarji, u regolamenti tal-bini kollha mingħajr eċċezzjoni;
  • Sub meters għas-servizzi tad-dawl u l-ilma ma jiġux aċċettati;
  • L-applikant jobbliga ruħu li josserva r-regolamenti tal-kera kif imfissra fil-Kodiċi Ċivili, Kap. 16;
  • L-applikant irid jifforma parti minn kondominju skont l-Att dwar il-Kondominju, Kap. 398, fejn applikabbli, liema kondominju jerfa’ r-responsabbiltà tal-manutenzjoni tal-partijiet komuni, inkluż il-lift;
  • Il-ħlas għall-manutenzjoni tal-partijiet komuni fuq kull appartament mikri lill-Awtorità ikun imħallas mill-Awtorita’ lill-applikant. L-Awtorità ser tiffissa l-ħlas għall-manutenzjoni tal-partijiet komuni skont in-numru ta’ appartamenti fil-blokk.  L-applikant ser jibqa’ responsabbli għall-assoċjazzjoni tar-residenti u obbligi relatati.
  • Fit-tmiem il-kirja l-Awtorità tad-Djar, tintrabat li tirritorna l-proprjeta’ lill-applikant f’kundizzjoni tajba wara li jittieħed in kondsiderazzjoni l-użu (wear & tear) tul l-għaxar snin ta’ kirja;
  • L-applikant għandu jagħmel polza ta’ assigurazzjoni kontra kull riskju fuq il-blokk / proprjeta’ offruta lill-Awtorità taħt din l-iskema.  Oltre dan, l-applikant jintrabat li kull sena jibgħat lill-Awtorità kopja ta’ din il-polza.
  • Qabel ma jsir il-ftehim tal-kirja, il-proprjeta’ trid tkun kompluta minn kollox (finished state). 

  • Kompluta minn kollox tinkludi:-

  1. Tikħil u tibjid tal-ħitan u soqfa kollha sistema tal-ilma (kiesaħ u sħun) li tinkludi tank tal-ilma, sistema tad-dawl kompluta li tinkludi l-consumer unit, sistema tad-drenaġġ kompluta, madum tal-art, bieb ta’ barra, aperturi u bibien ta’ ġewwa, intercom, kamra tal-banju u kċina kompluta.  Il-btieħi, l-appoġġi, il-bjut u l-faċċati tal-proprjeta’ għandhom ikunu kompluti u ssiġillati kontra  kwalunkwe dħul ta’ ilma;
  2. Il-kċina għandha tkun mgħammra bi fridge freezer, hood, forn u hob li jridu jkunu f’kundizzjoni tajba ħafna. 
  3. Il-kamra tal-banju kompluta għandha tinkludi doċċa/ banju, sink, W.C., water heater u aċċessorji oħra u għandha tkun f’kundizzjoni tajba ħafna. 
  4. Il-partijiet komuni tal-blokk tal-appartamenti għandhom ikunu kompluti minn kollox u jinkludu il-lift, sistema ta’ intercom, meters’ cupboard, sistema tal-elettriku, poġġaman tat-tarag u kaxxi tal-ittri;
  5. L-applikant hu responsabbli għat-tiswijiet u manutenzjoni straordinarja tal-proprjeta’ li għandha tinkludi tiswijiet strutturali, manutenzjoni anke ordinarja tal-bjut, btieħi, appoġġi u faċċati u kull difett relatat mas-sistemi tal-ilma, dawl u drenaġġ;
  • L-applikant huwa responsabbli wkoll għat-tiswijiet u manutenzjoni ordinarja u straordinarja tal-partijiet komuni tal-blokk tal-appartamenti, li jinkludu:-

  1. Tiswijiet strutturali;
  2. Manutenzjoni tal-btieħi, appoġġi u faċċati,
  3. Manutenzjoni tal-bjut,
  4. Ħsarat fis-sistema tad-dawl tal-komun u intercom,
  5. Manutenzjoni tal-lift li tinkludi wkoll il-maintenance agreement, ċertifikat tal-engineer, il-ħlas tal-linja tat-telefon kif ukoll kwalunkwe ħsarat li jistgħu jinqalgħu,
  6. Tibjid regolari,
  7. Ħlasijiet tal-konsum u tal-meters tal-elettriku tal-komun.

Obbligi tal-Awtorità tad-Djar

  • Tħallas il-kera lill-applikant kull sitt (6) xhur bil-quddiem, billi jiġi depozitat direttament il-bank f’ kont indikat mill-applikant;
  • Fi tmiem il-kirja tirritorna il-proprjeta’ lill-applikant f’kundizzjoni tajba wara li jittieħed in kondsiderazzjoni l-użu (wear & tear) tul l-għaxar snin ta’ kirja;
  • Il-ħlas tal-manuntenzjoni tal-partijiet komuni jiġu mħallsa regolarment direttament lill-applikant;
  • Il-kirjiet tal-proprjeta’ mikrija taħt din l-isekma jiżdiedu b’rata fissa ta’ tnejn fil-mija (2%) fis-sena;
  • Taċċerta li l-proprjeta’ tiġi użata biss għal skop ta’ residenza u akkomodazzjoni soċjali;
  • Taċċerta li kull dħul tal-applikant minn proprjetajiet mikrija lill-Awtorità taħt din l-iskema, ikun eżentat minn ħlas ta’ taxxa;

Metodu tal-għażla tal-proprjetà

  • Ser jiġi maħtur Bord ta’ Għażla sabiex janalizza l-offerti;
  • Kull proprjeta’ tiġi spezzjonata mill-Bord ta’ Għażla;
  • F’każ illi l-proprjeta’ tkun fi stat shell jew fuq il-pjanta, tinħareġ approvazzjoni b’kundizzjoni li ssir spezzjoni finali meta l-istess proprjeta’ tkun kompluta minn kollox;
  • Il-kriterja li ser jiġu ikkunsidrati waqt l-ipproċessar tal-applikazzjon:-

  1. It-tqassim tal-fond;
  2. Il-kundizzjoni tal-fond;
  3. Il-kwalita’ ta’ finishes;
  4. Energy efficiency tal-proprjetà;
  5. Il-lokalita’ tal-fond;
  6. L-aċċessibilita’ tal-fond;

​​​​​​​​​KUNDIZZJONIJIET U Applikazzjoni

Ikklikkja hawn biex tniżżel il-Kundizzjonijiet - MT​​ - EN​​​ u l-Formola tal-Applikazzjoni - MT - EN​