Dar f'Għawdex għall-persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali

Reference Number: PR191699, Press Release Issue Date: Aug 02, 2019
 

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li permezz tal-ftehim li ġie ffirmat illum, il-Ministeru għal Għawdex qed jikri fond mill-Awtorità tad-Djar biex l-Assoċjazzjoni ts-Saħħa Mentali f’Għawdex tkun tista’ tmexxi servizzi ġodda fil-komunità.  Fil-fatt, fost is-servizzi li se jingħataw se jkun hemm servizz ta’ emerġenza, halfway house, respite  kif ukoll post ta’ inkontru u soċjalizzazzjoni.

 
B’hekk, permezz ta’ dan il-proġett se tintlaħaq mira importanti kif ukoll ser jimtela vojt li f’Għawdex ilu jinħass għal diversi snin.
 
Il-Ministru Caruana qalet li s-settur soċjali hu komponent importanti ħafna fil-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex u permezz ta’ dan il-proġett innovattiv se nkunu qed noffru servizzi ġodda fil-qasam tas-saħħa mentali li se jingħataw fil-komunità stess, u b’hekk intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni affetwati.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes semma kif permezz ta’ din il-proprjetà tal-Awtorità tad-Djar se titwettaq ħolma li kellhom l-Għawdxin.
 
Huwa tkellem dwar kif din il-proprjetà kienet kbira wisq u għalhekk ġie deċiż li flok igawdi minnha benefiċjarju wieħed, tkun utli għal persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali li se jibdew jirċievu ċertu servizzi fil-komunità  għall-ewwel darba f’Għawdex.
 
“Dan il-proġett ikompli jixhed kemm aħna sensittivi għall-bżonnijiet tal-komunità, fejn l-għajnuna ma tiqafx sal-għoti ta’ ċavetta. Qed nutilizzaw il-postijiet tal-Gvern bl-aħjar mod”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay tenna li hu ta’ sodisfazzjon għall-Awtorità li permezz ta’ proprjetà li daħlet mill-iskema ‘Nikru biex Nassistu’—skema li  tinkoraġġixxi sidien ta’ proprjetà residenzjali vojta u privata biex  jikruha lill-Awtorità tad-Djar—se jkun qiegħed jitwettaq dan il-proġett. “Iċ-ċavetta ta’ din id-dar li qegħdin nallokaw lill-Mental Health Association Gozo se tkun iċ-ċavetta li se tiftaħ bibien ġodda lil persuni li se jkunu qegħdin jirċievu s-servizz li jeħtieġu f’din id-dar qalb il-komunità.”
 
Is-Sinjura Pauline Camilleri, President tal-Gozo Mental Health Association qalet wara disa’ snin mit-twaqqif tagħha, il-ħolma tal-Assoċjazjoni saret realtà permezz ta’ dan il-ftehim. Is-Sinjura Camilleri faħħret l-impenn tal-Ministru Caruana u tas-Segretarju Parlamentari Galdes li fehmu l-ħtieġa li tiġi implimentata din l-inizjattiva b’risq dawk kollha li jsofru minn nuqqas ta’ saħħa mentali.​ ​