Dr Mary Grace Vella tinħatar chairperson tal-bord għall-akkomodazzjoni affordabbli

Reference Number:  , Press Release Issue Date: May 02, 2020
 

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħatar lil Dr Mary Grace Vella bħala ċ-chairperson tal-bord għall-akkomodazzjoni affordabbli.

Dr Vella se tkun qegħda tkompli fuq il-ħidma imprezzabbli li wettaq f’dan il-bord is-Sur Joe Bartolo u se tkun qegħda ssellem il-memorja tiegħu billi tkompli timmaterjalizza l-kunċett ta’ housing affordabbli f’pajjiżna.

Dr Mary Grace Vella bdiet il-karriera tagħha fis-settur pubbliku bħala Uffiċjali tal-Probation mas-Servizzi Korrettivi u serviet bħala uffiċjal tal-inklużjoni soċjali fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali. Fil-preżent, tgħallem fid-Dipartiment tal-Oqsma tal-Għerf fil-Ġ.F Abela Junior College u hija wkoll lettur-viżitatur fil-Fakultà tal-Arti u fil-Fakultà għat-tisħiħ tas-soċjetà fl-Università ta’ Malta. Hija tikkontribwixxi ukoll fiċ-Ċentru tal-istudji dwar ix-xogħol u toffri konsulenza fuq livell tekniku fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali lill-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali. Vella ilha għal snin twal attiva fil-Moviment Graffitti u għaqdiet oħra mhux governattivi li jissieltu għal aktar ġustizzja soċjali u protezzjoni ambjentali filwaqt li tifforma parti mill-Osservatorju Nazzjonali ta’ Għixien b’Dinjità fi ħdan il-Fondazzjoni ta’ Malta għal ġid tas-soċjetà.

Vella gradwat fl-1998 b'Baċellerat fil-Psikologija fejn sussegwentament kisbet Diploma fis-Servizzi tal-Probation u kwalifiċi fil-livell ta' Masters fis-Soċjoloġija fid-Drittijiet Umani u d-Demokratizzazzjoni. Fl-2013 kisbet id-Dottorat fix-xjenza politika fi ħdan id-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta.

Dwar din il-ħatra l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes tenna li “Dr Vella, minkejja l-kwalifiċi akkademiċi eċċellenti tagħha, iddistingwiet ruħha bħala persuna li dejjem kellha lat prattiku għal xogħolha. Persuna kompetenti li l-profil tagħha jirrifletti d-direzzjoni li qiegħed nagħti bħala Ministru biex nindirizzaw l-isfidi tal-housing f’pajjiżna, li b’mod prattiku nifhmu r-realtajiet ta’ faxex differenti fis-soċjetà filwaqt li napplikaw ir-riċerka u l-istudji fid-deċiżjonijiet li nieħdu. Filfatt, Dr Vella se tkun qegħda tapplika dan il-prinċipju fil-ħidma li se twettaq, permezz tal-esperjenza li kisbet billi frekwentat iċ-ċrieki kollha tas-soċjetà u bil-kwalifiċi akkademiċi tagħha.” 

Huwa sostna li Dr Vella se tkun qegħda taħdem id f’id mal-Ministeru biex it-tielet settur ta’ housing f’pajjiżna, l-akkomodazzjoni affordabbli, jħalli l-frott mixtieq għal benefiċċju tal-familji tagħna.

Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay sostna li “dan huwa impenn konkret fil-politika ta’ housing affordabbli. Konvint li Dr Vella hija l-persuna ideali biex inkomplu l-ħolma tal-mibki Joe Bartolo li jkollna mudell ta’ housing affordabbli li se jkun self-financed u bla ebda skop ta’ profitt. Proġett li juri l-impenn li l-Istat mhux qiegħed hemm biss biex jipprovdi akkomodazzjoni soċjali iżda biex jassigura li d-dritt ta’ dar diċenti, adegwata u affordabbli għal faxex differenti. Dan għaliex, l-Istat mhux qiegħed hemm biss għall-aktar saffi vulnerabbli imma anke għal dawk li d-dħul tagħhom ma jippermettilhomx ilaħħqu mar-rati tas-suq.”

Il-Kap Eżekuttiv kkonkluda jgħid li l-impenn tal-Awtorità u l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali li jkollna proviżjoni ta’ akkomodazzjoni affordabbli diġà qiegħed jiġi implimentat permezz tal-benefiċċju tal-kera u li l-proġett pilota ta’ housing affordabbli f’sit tal-Gvern fil-Fgura b’nefqa ta’ €10 miljuni se jkun pass ieħor li jassigura li l-katina ta’ inizjattivi ta’ housing f’Malta tkompli tippromwovi l-mobbiltà soċjali.