Housing speċjalizzat biex ommijiet bi sfidi ta’ saħħa mentali ma jinfirdux minn uliedhom

Reference Number: PR191288, Press Release Issue Date: Jun 11, 2019
 

L-ewwel proġett tal-iskema ta’ housing speċjalizzat se jwassal biex ommijiet bi sfidi mentali li jibbenefikaw mill-għajnuna ta’ Richmond Foundation se jkunu jistgħu jirċievu l-appoġġ u s-servizzi meħtieġa fil-komunità, mingħajr il-bżonn li jinfirdu mit-tfal.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Akkommodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, li fiha ħabbar kif il-proġett ta’ Richmond Foundation intgħażel wara sejħa ta’ interess li għaliha applikaw bosta NGOs.

Permezz tal-iskema ta’ housing speċjalizzat, li qed titħaddem f’pajjiżna għall-ewwel darba, il-Gvern qed jalloka binja f’Bormla li kienet abbandunata u li se tiġi rriġenerata għal dan il-proġett. Din il-binja se tissemma ‘Dar Terry’, għal omm bi sfidi ta’ saħħa mentali li bl-appoġġ tar-raġel u t-tliet itfal adulti baqgħet tgħix fil-komunità.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Stephania Dimech Sant spjegat li dan il-proġett se jindirizza l-akbar tħassib kemm tal-ommijiet kif ukoll tat-tfal li b’hekk se jibqgħu jgħixu flimkien u mhux jiġu mifruda minn xulxin.

“Qed nitilqu minn approach ibbażat fuq l-individwu għal wieħed li jiffoka fuq il-familja. F’dan ir-rigward ‘Dar Terry’ se jkun pass fid-direzzjoni t-tajba. Se tagħti t-tama lill-ommijiet u aktar sigurta lit-tfal,” spjegat Dimech Sant.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li din l-iskema hi xhieda tat-tranżizzjoni minn politika ta’ housing one-size-fits-all għal waħda li tieħu inkonsiderazzjoni l-ħtiġijiet individwali ta’ nies vulnerabbli.

“F’din il-leġiżlatura l-housing ma baqatx sempliċi politika ta’ ġebel u saqaf, iżda saret politika ta’ għajnuna b’forom differenti, lil faxex aktar wiesgħa ta’ nies fi bżonn ta’ għajnuna, anke għajnuna speċjaliżżata. Irridu ngħarfu li f’ċertu każijiet għotja ta’ ċavetta mhix biżżejjed,” spjega Roderick Galdes.

Hu temm jgħid li llum hu l-jum fejn qed nibdew naraw ir-riżultat ta’ din il-politika.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali m’hemmx soluzzjoni waħda li tapplika għall-isfidi kollha, u għalhekk b’din l-inizjattiva l-ġdida se jintleħqu aktar nies vulnerabbli li għandhom bżonn l-għajnuna.

Il-proċess tal-għażla sar minn bord t’esperti mmexxi mill-antropoloġista Dr Rachael Scicluna, li qalet kif il-ħtiġijiet tas-soċjeta jinbidlu maż-żminijiet u li din il-politika ta’ housing speċjalizzat qed tieħu dawn il-bidliet inkonsiderazzjoni.

Il-pass li jmiss għal ‘Dar Terry’ hu li jintgħażel id-diżinn ta’ perit wara kompetizzjoni organizzata mill-Kamra tal-Periti, liema diżinn se jkun ibbażat fuq il-bżonnijiet espressi minn Richmond Foundation.

Kien f’nofs Frar li l-Gvern nieda l-ewwel ‘Specialised Housing Programme’, alloka baġit ta’ nofs miljun ewro u ħareġ sejħa ta’ interess mingħand NGOs interessati. Il-programm ta’ housing speċjalizzat għandu l-għan li jassisti persuni vulnerabbli jibqgħu integrati fis-soċjetá waqt li jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn. 

Grazzi ħafna,