Imnedija r-riforma tal-kera: xhieda ta’ Gvern li ma jiddejjaq qatt jippromwovi l-bidla

Reference Number: PR191416, Press Release Issue Date: Jun 26, 2019
 

Il-Gvern jifhem ir-realtajiet ġodda li għaddejja minnha s-soċjetà Maltija u għalhekk daħal biex b’serjetà jindirizza l-isfidi fil-qasam tal-kirjiet.

Filwaqt li 80% tal-Maltin huma sidien ta’ darhom u ammont konsiderevoli ieħor ta’ nies qegħdin f’kirjiet regolati, hemm madwar 8% li qegħdin f’sitwazzjoni fejn ma hemm protezzjoni ta’ xejn. Dan is-settur relattivament żgħir fis-suq tal-proprjetà qed iħalli effett sproporzonjat fuq sezzjoni tas-soċjetà.

Waqt it-tnedija tar-riforma tal-kera, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għall-ewwel darba pajjiżna għandu pjan ċar fil-qasam tal-housing li jindirizza tipi differenti ta’ kategoriji – minn dawk li m’għandhomx bżonn għajnuna biex isiru sidien ta’ darhom sa dawk li għandhom bżonn imbottatura ċkejkna biex joħorġu mill-kirja u jkunu sidien ta’ darhom, minn dawk li qatt ma kellhom bżonn għajnuna imma nqabdu f’ċirkostanza li issa għandhom bżonn strument bħal equity sharing, sa dawk li għandhom il-ħtieġa ta’ housing soċjali għax bl-ebda mod ma jistgħu joħorġu fi żmien qasir mill-problemi ta’ abbuż jew saħħa.

​Dr Muscat irrefera għal inċertezza li joħolqu kirjiet fejn sal-lum jista’ jiġi s-sid u jimponi żieda jew ikeċċi l-inkwilin ‘il barra. “Issa din ir-riforma qed iddaħħal perjodu minimu fejn kirja trid tkun għal mill-inqas sena u fuq kollox jekk is-sid irid ibiddel il-kundizzjonijiet wara dik is-sena għandu jagħti avviż minn qabel”, qal il-Prim Ministru. Bl-istess mod, l-inkwilin għandu perjodu minimu li fih irid javża lis-sid jekk hux ħa jġedded il-kirja jew le.

Dwar it-tip ta’ regolamentazzjoni li ried idaħħal f’din ir-riforma, il-Prim Ministru qal li l-Gvern mar bl-idea li jiġi inċentivat, u mhux ippenalizzat, is-sid. Dan il-mudell jaħdem b’mod li min jintrabat f’kirjiet għal sentejn jew tliet snin jaf b’kemm tkun ħa togħla l-kera sena wara oħra, u s-sid se jingħata inċentiv fiskali biex jikri aktar fit-tul.

“Ilħaqna bilanċ mingħajr ma beżżajna lis-suq”, qal Dr Muscat, “dan huwa inċentiv ċar biex ikun hemm proprjetajiet iktar disponibbli fit-tul bi prezzijiet iktar affordabbli”.

Il-qafas ta’ din ir-riforma huwa wieħed li tista’ tibni fuqu. Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern ma riedx li din il-liġi tkun tgħodd biss għal meta s-suq tal-proprjetà jkun qed jikber, imma anke taħt ċikli ekonomiċi differenti.

Ir-riforma mħabbra llum mhijiex biss bidla fil-leġiżlazzjoni imma fil-kultura u l-mentalità. “Dan Gvern riformista f’ruħu. Dan Gvern li jgħix bil-bidla. Dak li ħaddiehor ħalla għal ġenerazzjonijiet sħaħ li ma jsirx, aħna qegħdin inwettqu b’mod fattwali ħafna”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Intant, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li r-riforma fil-liġi tal-kera hija wkoll fiha nfisha tkomplija tar-riforma oħra fil-qasam tal-ġustizzja. Bis-saħħa ta’ dawn il-provvedimenti ġodda, se jitħaffew il-proċeduri fil-Qrati f’każijiet ta’ żgumbramenti waqt li se jiddaħħlu drittijiet ġodda kemm lis-sidien u kemm lill-kerrejja. Fl-istess waqt, qed jiġu provduti soluzzjonijiet ad hoc għal riżoluzzjonijiet spediti ta’ kwistjonijiet relatati ma’ deposits u manutenzjoni tal-post mikri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkommodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-Gvern qed jintervjeni b’responsabbiltá iżda wkoll bl-għarfien neċessarju. “Is-suq tal-kera m’għandux ikun suċċess għal wieħed u miżerja għall-ieħor. Minn suq tal-kera sigur, effiċjenti u stabbli, igawdu kemm is-sidien li għamlu l-investiment kif ukoll il-familji li jgħixu fil-kera”.

Is-Segretarju Parlamentari Galdes sostna li huwa fiduċjuż li bil-liġi li se tkun ippreżentata fil-Parlament, se jingħataw is-soluzzjonijiet għal bosta sfidi li jeżistu fis-settur illum il-ġurnata. Fuq kollox, se tkun parti integrali mill-istrateġija ħolistika li qed tingħata lill-pajjiż f’dan is-settur, wara l-investiment bla preċedent fil-housing soċjali, it-tnedija ta’ proġetti ta’ housing speċjalizzat, u l-istudju għal politika ta’ housing affordabbli.​