Jintgħażlu d-disinji għal proġetti ta’ housing speċjalizzat

Reference Number: PR192142, Press Release Issue Date: Oct 08, 2019
 

 
 

 
 
L-ewwel żewġ proġetti ta' housing speċjalizzat imxew pass ieħor 'il quddiem hekk kif it-Tnejn filgħaxija intgħażlu ż-żewġ disinji tal-proġetti. Dan tħabbar wara kompetizzjoni organizzata mill-Kamra tal-Periti (KTP) li qed jikkollaboraw fuq dawn il-proġetti mas-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Iż-żewġ NGOs li qed jibbenefikaw mill-policy bl-isem ta' 'Sustainable Communities: Housing for Tomorrow' huma Richmond Foundation u Mid-Dlam Għad-Dawl. Dawn il-proġetti qed isiru b'investiment ta' €500,000.

"Għall-ewwel darba l-gvern qed jgħaddi dawn iż-żewġt idjar biex tingħata kura u għajnuna speċjalizzata lil persuni vulnerabbli. Id-disinji, li ġew aġġudikati minn ġurija ta' esperti, jassiguraw li jkollna disinn inklussiv li jħares lejn il-bżonnijiet tar-residenti partikolari," spjega s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. Hu żied jgħid li dan id-disinn jirrifletti wkoll id-diversità tan-nies li se jgħixu fil-post.

Richmond Foundation qed jingħataw dar ġewwa Bormla, li fiha se joffru servizz lil ommijiet li jkollhom sfidi ta' saħħa mentali u jkollhom bżonn akkomodazzjoni u terapija speċjalizzata fl-istess żmien.

It-tieni dar, li tinsab ġewwa l-Birgu, qed tingħata lill-organizzazzjoni Mid-Dlam Għad-Dawl, fejn fiha se joffru akkomodazzjoni u servizzi ta' terapija lil dawk il-priġunieri li jkunu qed jiskontaw l-aħħar ftit xhur tas-sentenza tagħhom, bl-għan li jibdew jintegraw lura fil-familji tagħhom u fil-komunita'.

Wara li intgħażlu l-NGOs li se jibbenefikaw, infetħet kompetizzjoni tad-disinn għal periti biex minnhom jintgħażlu id-disinji li l-aktar li huma adattati għal dawn iż-żewġ proġetti. F'dan l-istadju ġiet maħtura ġurija ta' esperti li raw presentazzjoni minn kull uffiċċju tal-periti li ħa sehem u għażlu d-disinji rebbieħa. Id-disinji rebbieħa intgħażlu abbazi tal-aktar pjan li jindirizza bi ħsieb il-bżonnijiet tas-servizz li se jkun qed jiġi offrut fid-djar rispettivi. 

L-uffiċċju tal-periti 'Local Office' huma r-rebbieħa tal-proġett ta' Bormla (Richmond Foundation), filwaqt li l-uffiċċju tal-periti 'Openworkstudio' huma r-rebbieħa tal-proġett tal-Birgu (Mid-Dlam Għad-Dawl).

"Ir-riċerka li qiegħdin nagħmlu u l-esperjenza tagħna fis-settur jindikaw li għal faxxa partikolari ta' individwi, l-isfidi li jkunu qiegħdin jesperjenzaw ma humiex marbuta biss mal-housing, iżda l-housing huwa biss sintomu ta' sfidi aktar wesgħin. Huwa għalhekk li nirrikjedu proġetti ta' housing speċjalizzat, għaliex għal dawn il-persuni l-allokazzjoni ta' appartament ma tkunx biżejjed biex ikunu jistgħu jimxu 'l quddiem, ikunu jeħtieġu ukoll servizz personalizzat", qal il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-djar Leonid McKay.

B'din il-politika ta' housing speċjalizzat li tnediet aktar kmieni din is-sena, il-gvern qed imur lil hinn mill-kunċetti tradizzjonali ta' housing u qed joffri skemi innovattivi li jieħdu inkonsiderazzjoni r-realtajiet tal-lum.