Jitħabbar mudell ġdid ta’ housing f’pajjiżna: Housing Affordabbli

Reference Number: PR200008, Press Release Issue Date:
 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar mudell ġdid ta’ housing. F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Galdes qal li sa issa l-gvern tkellem ħafna dwar il-housing soċjali u dwar is-suq privat, iżda li llum qiegħed iħabbar t-tielet settur fil-qasam tal-housing, dak ta’ Housing Affordabbli.

“Minn riċerka intensiva li saret mis-Segretarjat immexxi minni, irriżulta l-bżonn ta’ mudell ġdid ta’ housing f’pajjiżna. Il-mudell ta’ Housing Affordabbli se jassissti lil dawk li ma jikkwalifikawx għal housing soċjali, iżda li xorta waħda għandhom bżonn imbuttatura mill-gvern sabiex ikollhom housing adekwat, u illum qed inħabbar l-ewwel proġett ta’ dan it-tip f’Malta”, qal is-Segretarju Parlamentari.

I​s-Segretarju Parlamentari Galdes ħabbar li l-proġett huwa pjanat li jsir f’sit tal-gvern fil-Fgura, u li x-xogħol mistenni li jibda’ ġaladarba l-Awtorità tal-Ippjanar tagħti l-permessi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ dan is-sit. Huwa stmat li l-ewwel proġett ta’ housing affordabbli ta’ dan it-tip se jkollu nefqa ta’ madwar €10,000,000.

Qal ukoll li r-riċerka turi li hawn nuqqas ta’ propjetajiet għal kiri bi prezzijiet ta’ bejn €300 u €500, u għalhekk il-gvern ħass il-ħtieġa li jintervjeni biex jassisti lil dawk li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-kirjiet. Huwa stmat li l-prezz tal-kirjiet tal-Housing Affordabbli se jkunu madwar €300 fix-xahar għal appartamenti b’kamra tas-sodda waħda, €400 fix-xahar għal units li fihom żewġt ikmamar tas-sodda u €500 għal appartamenti bi tlett ikmamar tas-sodda. Is-Segretarju Parlamentari Galdes kompla jgħid li jemmen li dawn huma prezzijiet affordabbli tal-kera għal pajjiżna, meta tikkunsidra l-pagi u prezzijiet tal-kirjiet kummerċjali.

L-eliġibbiltà għal Housing Affordabbli se tkun ibbażata fuq il-kompożizzjoni tal-familja u fuq id-dħul tal-familja. Se jkun assigurat li l-familji li jibbenefikaw minn din l-għajnuna jkunu f’pożizzjoni li jħallsu l-kirja. Is-Segretarju Parlamentari qal li familja għandha tonfoq madwar 30% tad-dħul tagħha fuq akkomodazzjoni, u għalhekk dawk eliġibbli jridu jkunu f’pożizzjoni li jħallsu l-prezzijiet stipulati. Persuni li ma jikkwalifikawx għall-housing affordabbli, għax għandhom dħul aktar baxx minn dak li titlob il-kriterja tal-eliġġibiltà, ifisser li huma eliġibbli għal housing soċjali.

Il-Chairperson tal-Bord tal-Housing Affordabbli Joseph Bartolo qal f’konferenza tal-aħbarijiet li dan il-proġett ser ikun qed jitħallas permezz tal-kirjiet infushom, hekk kif huwa proġett ‘self-sustained’. Qal li l-units se jkunu qed jinbnew fuq sit tal-gvern, però l-ispejjeż tal-iżvilupp ta’ dan is-sit se jkunu ffinanzjati minn bank permezz ta’ loan li tingħata lill-Awtorità tad-Djar, imbagħad il-loan titħallas permezz tad-dħul mill-kirjiet. Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes żied jgħid li ġaladarba l-loan tinfeda, l-appartamenti jkunu saru assi għall-istat, u f’dak l-istadju l-Awtorità tad-Djar tibda’ tagħmel anke profit mill-Housing Affordabbli, bil-għan li l-Awtorità tkun tista’ tkompli tgħin aktar familji permezz ta’ skemi, miżuri u proġetti li jippromwovu housing adekwat għal kulħadd.

Tħabbar ukoll li l-kuntratti tal-housing affordabbli se jkunu twal ħames snin, sabiex il-familji li jkunu qed jgħixu f’dawn il-kirjiet ikollhom l-istabbilità. Mat-tmiem tal-kuntratt, l-Awtorità tad-Djar se tkun qed terġa’ tanalizza s-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali ta’ dawn il-familji u fejn hu possibbli tgħinhom biex jagħmlu użu minn skemi eżistenti u oħrajn ġodda sabiex, kemm jista’ jkun, bl-għajnuna tal-istat, jixtru l-propjetà tagħhom u jsiru sidien ta’ djarhom. “Hija prijorità tagħna bħala gvern li nassistu lil min hu fil-bżonn, filwaqt li nippromwovu l-mobbiltà soċjali fil-proċess,” żied jgħid is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali għadda lill-Awtorità tad-Djar ir-responsabbiltà mill-iżvilupp ta’ dan l-ewwel proġett ta’ housing affordabbli, wara li inqas minn sena ilu twaqqaf Bord, immexxi mis-Sur Joseph Bartolo, fi ħdan l-Awtorità tad-Djar. Minnufih, il-Bord kien beda jaħdem mal-banek u mas-Social Planning Management Unit sabiex illum hemm pjan ċar ta’ kif se jkun qed jitħaddem dan il-mudell ta’ housing affordabbli, li huwa għal kollox innovattiv għal pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay qal, “Wara li fix-xhur li għaddew l-Awtorità tad-Djar investiet u introduċiet skemi li permezz tagħhom aktar familji qegħdin isiru sidien ta’ darhom, fosthom dik tal-Equity Sharing u Loans Soċjali, filwaqt li baqgħet titħaddem l-iskema Sir Sid Darek, inħass il-bżonn speċifiku ta’ proġett b’kirjiet affordabbli li se jimmaterjalizza fix-xhur li ġejjin. Nemmen li huwa l-irwol tal-istat li jassigura li s-suq ikun aċċessibbli għal kulħadd u dan anke fil-kuntest tar-riforma tal-kirjiet residenzjali privati.”

Is-Segretarju Parlamentari Galdes żied jgħid li, “Il-mudell ta’ housing li qed nintroduċu illum huwa mudell sostennibbli li permezz tiegħu bħala stat se nkunu nistgħu nassistu aktar familji biex jħallsu kirjiet affordabbli filwaqt li jimxu ‘l quddiem f’ħajjithom matul il-proċess. Nistgħu ngħidu li f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, bħala gvern, irnexxielna noħolqu katina bejn it-tliet setturi ewlenin tal-housing: il-Housing Soċjali, is-Suq Privat, u issa anki l-Housing Affordabbli. Il-pass li jmiss huwa li bħala Segretarjat inkomplu nħaddmu l-valuri ta’ ġustizzja soċjali u nkomplu ntejjbu dawn it-tliet setturi.”