L-Awtorità tad-Djar b’logo u mission statement ġdid

Reference Number: PR192577, Press Release Issue Date: Dec 04, 2019
 



Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay ħabbar il-logo u l-mission statement ġdid li ser jibdew jintużaw mill-Awtorità. Dan bil-għan li dawn ikunu jirriflettu l-irwol li llum għandha l-Awtorità fis-soċjetà, hekk kif qiegħda tmiss mas-setturi kollha tal-housing f’pajjiżna.

 
Huwa sostna li l-eżerċizzju ta’ rebranding huwa inkorporat fl-għeruq u l-identità tal-Awtorità tad-Djar. Dan huwa l-ħsieb wara dokumentarju, li l-Kap Eżekuttiv ħabbar li l-Awtorità se tkun qiegħda tipproduċi dwar l-istorja tal-housing f’Malta. Żied jgħid li għalhekk dan l-eżerċizzju ta’ rebranding mhux se jkun qiegħed jibdel il-valuri li nbniet fuqhom l-Awtorità iżda se jkun qiegħed jirrifletti l-ħidma li qiegħda twettaq l-Awtorità.
 
“Din mhijiex bidla kożmetika, iżda hija bidla li tirrifletti l-ħidma li qiegħdin nagħmlu fis-settur tal-housing f’Malta b’mod ħolistiku. Illum, il-benefiċjarji tagħna ġejjin minn faxex differenti tas-soċjetà għaliex qiegħdin inmorru lil hinn mill-politika tal-one-size-fits all. Nemmnu li l-housing soċjali m’għandux ikun u mhuwiex l-unika soluzzjoni, b’dan huwa rifless fil-mission statement il-ġdid tal-Awtorità, li jagħmel aċċenn partikolari fuq il-mobbiltà soċjali.”
 
Il-missjoni tal-Awtorità se tkun li: Nipprovdu u nkattru opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli xierqa, u b’hekk inħeġġu l-istabbiltà u nsaħħu l-mobbiltà soċjali.
 
Mobbiltà soċjali li fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar ma tiġix waħedha iżda teħtieġ bidla fil-mentalità u jeħtieġ li l-familji jkollhom opportunitajiet ta’ housing differenti.
 
Fid-diskors tiegħu fl-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità tad-Djar fil-Floriana, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon tenna li l-Awtorità se tkompli tiġġedded, biex tilqa’ għall-isfidi li tant jinbidlu fi żmien relattivament qasir.
 
Huwa rrimarka b’sodisfazzjon li l-maġġoranza tal-Maltin huma sidien ta’ djarhom u m’għandhom l-ebda dejn jew ipoteki fuq id-djar tagħhom. Innota wkoll żieda marġinali f’dawk il-persuni li saru sidien ta’ djarhom, skond l-aħħar stħarriġ tal-Eurostat.
 
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes stqarr li “Minn meta inħtart Segretarju Parlamentari ridt bidla konsiderevoli fl-Awtorità, ridt li tibqa’ Awtorità li tisma’ u tirreaġixxi, iżda ukoll li tmur oltre. Ridt li ssir Awtorità li toħroġ bi proposti, li tħares ’il quddiem, li ma tibżax tkun innovattiva u li żżomm dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha lin-nies. Illum l-Awtorità hija msaħħa u qed toffri miżuri, skemi u proġetti innovattivi li permezz tagħhom verament qed ssir id-differenza fil-ħajja tan-nies. Din id-differenza hija s-sors ta’ sodisfazzjon għalina lkoll.”
 
Quddiem dawn ir-riżultati, il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li l-gvern jinterresah minn kull strata tas-soċjetà. Għalhekk, tenna li se jissaħħu aktar il-miżuri li jolqtu l-akkomodazzjoni affordabbli u ta’ akkomodazzjoni soċjali.
 
“Dan hu gvern li verament jimpurtah miż-żgħir u l-batut u se nkunu hemm biex nerfgħu liż-żgħir permezz ta’ miżuri speċifiċi. Ewlenija fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet wara kwart ta’ seklu, inqas piżijiet, u miżuri li jħajru aktar il-mobbiltà soċjali.”