Wara li fil-jiem li għaddew ġiet
approvata mill-Parlament il-liġi li tirregola s-settur tal-kirjiet, illum sar
pass ieħor ‘l quddiem, hekk kif is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni
Soċjali Roderick Galdes ħatar uffiċjalment l-Awtorità tad-Djar bħala
r-regolatur tas-suq tal-kera privata.
Biex tilħaq
id-doveri ġodda u topera b’mod effiċjenti u ssaħħaħ l-operat tal-Awtorità
tad-Djar, is-Segretarju Parlamentari Galdes ħabbar it-twaqqif ta’ unit ġdid fi
ħdan l-Awtorità, li se jkun responsabbli speċifikament mill-implimentazzjoni
tal-liġi l-ġdida tal-kera.
“Il-liġi l-ġdida
tal-kera mingħajr regolatur kienet tibqa’ liġi fuq il-karti. Għalhekk, illum,
b’fiduċja sħiħa, qed ngħaddi l-irwol ta’ regolatur tas-suq tal-kera privata
lill-Awtorità tad-Djar”, qal is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni
Soċjali.
Żied jgħid li
l-Awtorità tad-Djar qed tingħata s-saħħa permezz ta’ erba’ għodod prinċipali;
1. L-ewwel, li ssolvi
kwistjonijiet bejn is-sidien u dawk li jgħixu fil-kera quddiem panel apposta li
jsolvi kwistonijiet bħal dawk relatati ma’ depożitu jew manutenzzjonijiet, biex
kemm jista’ jkun dawk involuti jevitaw li jitilgħu il-qorti;
2. Li l-Awtorità se
tkun qed tieħu ħsieb ir-reġistrazzjonijiet tal-kirjiet, sabiex tigwida
lis-sidien kollha għar-reġistrazzjoni;
3. Li tinforza din
il-liġi billi tassigura li min qiegħed jabbuża jieqaf, u jirregola l-kirjiet
tiegħu kif titlob din il-liġi;
4. U fl-aħħar net, li
permezz tal-informazzjoni li se tiġbor mir-reġistrazzjonijiet, l-Awtorità tkun
tista’ tifhem aħjar dak li għaddej fis-suq tal-kera, sabiex l-istat imbagħad se
jkun jista’ jigwida l-politika tiegħu abbażi tal-informazzjoni li tkun
inġabret.
Il-Kap Eżekuttiv
tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay sostna li, “permezz tal-irwol ta’ Regolatur
tas-suq tal-kera privata li ġejna fdati bih, verament se nkunu Awtorità
tad-Djar, għaliex se nkunu qegħdin għall-ewwel darba mmissu mas-settur
tal-housing f’pajjiżna fit-totalità tiegħu, u għalina dan huwa ta’
sodisfazzjon, għaliex permezz ta’ din il-liġi se nkunu qegħdin nissalvagwardjaw
id-drittijiet tas-sidien u tal-familja fil-kera filwaqt li nassiguraw li jiġu
osservati d-dmirijiet li għandhom. Fiduċja li qegħdin nsarrfuha f’ħidma bla
waqfien biex minn Jannar tas-sena d-dieħla nibdew nimplimentaw din il-liġi.”
Is-Segretarju
Parlamentari Galdes għalaq billi enfasizza l-importanza li l-Awtorità tad-Djar
tikkomunika kemm mas-sidien u mal-inkwilini, kif ukoll mal-aġenziji
tal-propjetà, bħala entitajiet li jaħdmu kontinwament maż-żewġ stakeholders
ewlenin.
“Jeħtieġ li nkomplu
ninvolvu lil kull min għandu ghal qalbu s-settur, sabiex flimkien
niprofessjonalizzawh. Nafu li permezz tat-tisħiħ tas-settur igawdi kulħadd, u
permezz ta’ din il-liġi dawk kollha li qed imissu mas-settur issa se jkollhom
bażi aktar soda, u settur aktar effiċjenti, trasparenti u ġust.”
Il-liġi tidħol
fis-seħħ f’Jannar li ġej, u se tkun akkumpanjata minn kampanja estensiva ta’
informazzjoni. Is-sit rentregistration.gov.mt diġa qed jopera għal min irid
aktar informazzjoni.