Stqarrija lil Media Tnaqqis fil-Kirja Housing Authority

Reference Number:  , Press Release Issue Date: Mar 31, 2020
 

Matul dawn l-aħħar jiem l-Awtorità tad-Djar rċeviet numru ta’ talbiet minn sidien li jixtiequ jnaqqsu l-kirja lill-inkwilin matul dan il-perjodu diffiċli b’rabta mal-COVID-19.

Fid-dawl ta’ dan, L-Awtorità tad-Djar qiegħda tinforma lill-pubbliku li jekk l-ammont ta’ kirja li ġie ddikjarat fir-reġistrazzjoni tal-kuntratt mal-Awtorità tad-Djar jitnaqqas matul dan il-perjodu temporanju, ma hemmx bżonn li tinbidel ir-reġistrazzjoni tal-kuntratt. L-Awtorità tad-Djar tavża li filwaqt li għanda tkun notifikata b’mod immedjat fejn hemm terminazzjoni ta’ kirja dan ma jgħoddx fejn hemm qbil kunsenswali bejn il-partijiet dwar il-kirja.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar is-Sur Leonid McKay stqarr li “fejn hemm arranġamenti temporanji dwar tnaqqis ta’ kirja relatati mas-sitwazzjoni preżenti, l-Awtorità ma għandiex għalfejn tiġi notifikata. Din għanda dejjem titħalla fid-diskrezzjoni sħiħa tal-partijiet. L-għan tagħna bħala regolatur huwa li dejjem niffaċilitaw ir-relazzjoni bejn is-sid u l-inkwilin b’tali mod li filwaqt li l-inkwilin jkollu dritt ta’ akkomodazzjoni xierqa, is-sid jkollu dħul ġust għal investiment tiegħu”.

Intant, ir-reġistrazzjoni ta’ kuntratti ta’ kirjiet ġodda jistgħu jibqgħu jiġu rreġistrati fuq rentregistration.gov.mt. Għal aktar informazzjoni, jistà jsir kuntatt mal-Awtorità tad-Djar fuq 22 991 010, permezz tal-e-mail fuq rentregistration.ha@ha.gov.mt jew billi tibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook rent registration malta.

Dan ukoll fid-dawl li l-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali diġa infurmat il-pubbliku li l-miżata ta' reġistrazzjoni tal-kuntratti tard mhijiex qiegħda tiġi applikata u jingħata benefiċċju tal-kera jiġi aġġustat b’mod immedjat għal familji li jispiċċaw mingħajr impjieg minħabba xi ċirkustanza relatata mal-COVID 19 u/jew aġġustamenti tal-istess benefiċċju għall-persuni li jesperjenzaw vjolenza domestika.