Introduzzjoni ta' 'Care Plan' għall-Applikanti u l-Benefiċjarji tal-Akkomodazzjoni Soċjali

Wara li s-sena l-oħra l-Awtorità tad-Djar nediet il-programm 'care plan' b'kollaborazzjoni mal-Università ta' Malta, professjonisti fil-qasam soċjali fi ħdan l-Awtorità tad-Djar bdew isegwu 28 kerrej li jgħixu f'akkomodazzjoni soċjali. Dawn il-każijiet intgħażlu wara li ġew innutati nuqqasijiet bħal arretrati fil-ħlas tal-kera jew kontijiet tad-dawl u l-ilma, imġieba ħażina u nuqqas ta' manutenzjoni fir-residenza. Il-kerrejja ġew segwiti regolarment permezz ta' telefonati, emails u żjarat fir-residenza tagħhom skont il-każ. Il-monitoraġġ u l-għajnuna individwalizzata mogħtija għenu lil 27 kerrej biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Din l-esperjenza serviet ukoll sabiex il-programm 'care plan' seta' jiġi ddisinjat b'mod aktar dettaljat. Fix-xhur u s-snin li ġejjin il-programm 'care plan' se jiġi estiż għall-applikanti fuq il-lista ta' stennija għall-akkomodazzjoni soċjali u għall-kerrejja kollha li jeħtieġu dan is-servizz. B'dan il-mod tiġi stabbilita aktar il-politika tal-Awtorità tad-Djar li toffri mhux biss dar lil kull min għandu bżonnha iżda wkoll l-għodda kollha meħtieġa sabiex il-kerrejja jkunu jistgħu jgħixu fid-dar mogħtija. L-Awtorità tad-Djar ħarġet ‘Espressjoni ta’ Interess’ sabiex tikseb is-servizzi ta’ professjonisti fil-qasam soċjali biex iwettqu l-‘pjan ta’ kura’ mal-applikanti u l-kerrejja. Il-professjonisti interessati li joffru dan is-servizz huma mħeġġa japplikaw mill-aktar fis possibbli hekk kif is-sejħa tagħlaq fil-15 ta’ Novembru.