Akkomodazzjoni Aċċessibbli
Fost l-għanijiet ewlenija tal-Awtorità tad-Djar ta' Malta, saret ħidma biex is-settur jiggarantixxi l-istabbiltà lill-familji b'diversi skemi u opportunitajiet. L-Awtorità twettaq riċerka estensiva biex tiżgura li s-suq tad-djar ikun aċċessibbli u affordabbli għall-individwi u l-familji kollha. Dawn l-opportunitajiet huma mmirati lejn inkwilini u xerrejja prospettivi tal-proprjetà.

Akkomodazzjoni Soċjali
Individwi li bil-mezzi finanzjarji tagħhom ma jaslux biex jidħlu fis-suq tal-proprjetà, jistgħu jagħmlu talba biex jiġu akkomodati fi proprjetà allokata mill-Awtorità tad-Djar. Din l-assistenza tingħata lil individwi bi dħul inqas minn €10,000 (persuna waħedha) / €12,000 + 700 / tifel /tifla (koppji / ġenituri waħedhom) u assi li jiswew inqas minn €28,000.

Kirjiet Protetti ta' qabel l-1995
L-Awtorità tad-Djar tipprovdi appoġġ legali u finanzjarju lill-kerrejja li jgħixu fi proprjetajiet mikrija qabel l-1 ta' Ġunju 1995 li huma soġġetti għal proċedimenti ta' reviżjoni tal-kera quddiem il-Bord tar-Regolamentazzjoni tal-Kera. Permezz tal-assistenza finanzjarja offruta mill-Awtorità, il-kerrejja jistgħu jħallsu l-kera riveduta stabbilita mill-Bord.

Kirjiet Residenzjali Privati
Kuntratti ta' kiri ffirmati wara l-1ta ' Ġunju 1995 iridu jiġu rreġistrati mal-Awtorità tad-Djar kif stipulat fil-Kap 604 tal-Kodiċi tal-Liġijiet.· Il-proċess ta' reġistrazzjoni online jiżgura t-trasparenza u jipprovdi stabbiltà kemm lis-sidien kif ukoll lill-inkwilini.· Diżgwid u tilwim jista' jitressaq lill-bord tal-arbitraġġ fi ħdan l-Awtorità tad-Djar.

Tiswijiet u Titjib
L-Awtorità tad-Djar toffri diversi skemi u opportunitajiet biex tassisti lis-sidien u lill-inkwilini biex isewwu jew jadattaw darhom biex jagħmluha abitabbli u adattata għall-bżonnijiet tagħhom. Dawn l-iskemi huma ta' benefiċċju għall-Anzjani u l-Persuni b'diżabilità biex jgħinuhom jgħixu b'mod indipendenti fil-komunità.

