Il-Proġetti ta' Akkomodazzjoni Speċjalizzata, huma fost il-ħafna inizjattivi ewlenin tal-Awtorità tad-Djar, li morru lil hinn mill-approċċ tradizzjonali li kulħadd f'keffa waħda, għal mudell aktar immirat u inklussiv li jindirizza l-ħtiġijiet ta' gruppi vulnerabbli fis-soċjetà u l-komunitajiet.
Kull proprjetà marbuta ma' dawn il-proġetti kienet fi stat t'abbandun, b'uħud minnhom imorru lura għal qabel is-seklu 19. Permezz ta' kompetizzjoni mal-Kamra tal-Periti, dawn il-proprjetajiet ġew iddisinjati, riabilitati u rinnovati biex iservu għal għan soċjali. Dawn il-proġetti ġew żviluppati b'kollaborazzjoni ma' NGOs fosthom Fondazzjoni Richmond, Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, Is-Salezjani f'Malta, Malta Gay Rights Movement (MGRM), u l-Malta Trust Foundation.
Bħalissa hemm ħames proġetti ta' akkomodazzjoni speċjalizzata madwar il-Gżejjer Maltin: Dar il-Kantuniera, Proġett Interġenerazzjonali, Dar Bla Ħitan, Dar Tereża, u Dar il-Qawsalla.
L-Awtorità tad-Djar baqgħet taħdem qatigħ biex tinvesti aktar f'akkomodazzjoni speċjalizzata, b'żewġ proġetti addizzjonali li qed issir ħidma fuqhom: Dar Mixtla u Dar Simon Soler.

Dar il-Kantuniera
Immexxija mill-Malta Trust Foundation, Dar il-Kantuniera toffri appoġġ residenzjali għal individwi li jgħixu b'kundizzjonijiet ta' saħħa mentali, dipendenza u abbuż ta' sustanzi. Din id-dar fetħet il-bibien fl-2021, u tista' takkomoda sa 6 residenti f'ambjent seren u sigur.
Permezz tas-servizz ta' akkomodazzjoni ta' serħan, ir-residenti jirċievu kemm terapija individwali kif ukoll dik fi grupp fejn jitgħallmu l-ħiliet tal-ħajja bħall-komunikazzjoni u l-immaniġġjar tal-ħin. Dar il-Kantuniera timxi b'approċċ ħolistiku li jqiegħed lir-resident fiċ-ċentru tal-għanijiet tagħha, biex tgħinhom jiżviluppaw l-indipendenza u jintegraw mill-ġdid b'suċċess fil-komunità. Dan inkiseb b'rata ta' suċċess ta' 86%.
Proġett Interġenerazzjonali
Imniedi fl-2023, u operat minn Friends of Don Bosco, il-Proġett ta' Akkomodazzjoni Interġenerazzjonali fil-Belt Valletta huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu, billi jiġbor flimkien żgħażagħ u anzjani taħt saqaf wieħed. L-għan ta' dan il-proġett hu li titrawwem koperazzjoni bejn iż-żewġ ġenerazzjonijiet biex toħloq opportunitajiet għar-residenti kollha fejn ikunu ta' spalla u sostenn għal xulxin.
Bi 18-il appartament u spazji komuni kondiviżi, din ir-residenza toffri diversi inizjattivi, inklużi programmi ta' mentoring, appoġġ finanzjarju għal studenti full-time, ħiliet prattiċi għall-ħajja, u pjanijiet ta' kura personalizzati.
Dar Bla Ħitan
Immexxija mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, Dar Bla Ħitan toffri programm residenzjali għal persuni li qed jiskontaw sentenza fil-ħabs u qed joqorbu lejn tmiema. Din ir-residenza fetħet il-bibien tagħha fl-2023, biex takkomoda sa massimu 5 individwi, biex tiffaċilità t-tranżizzjoni bla xkiel u tipprovdi integrazzjoni mill-ġdid fil-komunità lir-residenti li tilqa'.
Minbarra li tipprovdi post fejn ir-residenti tagħha jistgħu jservu l-aħħar parti tas-sentenza tagħhom, ir-residenza toffri aktar għajnuniet, fosthom sessjonijiet terapewtiċi, korsijiet edukattivi, xogħol fil-komunità, u attivitajiet oħra. B'enfasi qawwija fuq id-dixxiplina personali u sens ta' mħabba, sal-lum, 4 individwi temmew b'suċċess il-vjaġġ tagħhom f'dan il-programm u reġgħu ġew integrati fis-soċjetà.
Dar Tereża
Twaqqfet fil-bidu tal-2024 u hija mmexxija mill-Fondazzjoni Richmond. Dar Tereża tipprovdi sostenn għall-ommijiet li qed jiffaċċjaw sfidi ta' saħħa mentali, fejn tippermettilhom ikomplu jgħixu ma' wliedhom matul il-vjaġġ ta' rkupru tagħhom.
Ir-residenza takkomoda sa 7 ommijiet fi spazju dinjituż fejn jistgħu jagħtu bidu għal ħajja ġdida u aħjar.
Dar il-Qawsalla
Inawgurata fl-aħħar tal-2024, Dar il-Qawsalla tagħti sapport lill-membri vulnerabbli tal-komunità LGBTIQ+ li jiffaċċjaw sfidi ta' diskriminazzjoni, soċjoekonomiċi u tipprovdi kenn għal meta jkunu f'riskju li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
Immexxija mill-Moviment għad-Drittijiet LGBTIQ+ ta' Malta, ir-residenza takkomoda sa 6 individwi sa massimu ta' sentejn. Matul dan iż-żmien, permezz ta' appoġġ terapewtiku u ta' xogħol soċjali, ir-residenti jitgħallmu kif jgħixu b'mod indipendenti u jekk meħtieġ, jiġu riferuti għal servizzi oħra la darba joħorġu minn Dar il-Qawsalla.






























































