€880,000 Investiment biex Jitjiebu 16-il Blokk Residenzjali fiż-Żejtun

Tisbiħ u rinnovazzjoni ta’ 16-il blokk residenzjali fiż-Żejtun, li se jibbenefikaw madwar 100 familja

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar proġett immexxi minn Housing Projects Solutions Ltd (HPS), li qed twettaq xogħlijiet ta’ tisbiħ u rinnovazzjoni fuq 16-il blokka residenzjali fiż-Żejtun, li jinkludu 16-il daħla u 96 appartament, b’investiment ta’ €880,000.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan l-investiment huwa parti mill-isforzi kontinwi biex titjieb il-kwalità tal -akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna u se jkun ta’ benefiċċju għal madwar 100 familja.

“L-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali ma jieqafx mal-bini ta’ appartamenti ġodda iżda jinkludi wkoll il-manutenzjoni u t-titjib ta’ bini eżistenti. Irridu niżguraw li r-residenti jgħixu f’ambjent aktar dinjituż, sigur u miżmum tajjeb. Permezz ta’ interventi bħal dawn, qed inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ispazji residenzjali filwaqt li nindirizzaw il-bżonnijiet tal-komunitajiet tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.

Proġett ta’ Tisbiħ fiż-Żejtun- 1
Proġett ta’ Tisbiħ fiż-Żejtun- 2

Il-blokki residenzjali jinsabu f’Dawret Ħal Tmiem, Wesgħet tal-Usif u Misraħ Ħal Tmiem. Dan il-proġett jinvolvi xogħlijiet li jtejbu d-dehra esterna u l-kundizzjoni ġenerali tal-binjiet, li jibbenefikaw direttament ir-residenti u l-komunità tal-madwar.

Bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet, il-kisi eżistenti tal-faċċata qed jitneħħa u jiġi sostitwit b'kisi tal-ġebel biex il-bini jingħata dehra mġedda u finitura esterna aħjar.

Ix-xogħlijiet bdew fil-bidu ta’ Mejju 2026 u bħalissa għadhom għaddejjin. Sar progress fuq il-blokki residenzjali kollha, filwaqt li għad fadal erba’ blokki x’jitlestew. Il-proġett huwa skedat li jitlesta sa tmiem Diċembru 2026.

Dan il-proġett jikkumplimenta xogħlijiet ta’ manutenzjoni li għaddejjin fuq oqsma ta’ housing eżistenti li qed jitwettqu f’diversi partijiet oħra ta’ pajjiżna.

Preżenti wkoll waqt iż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, is-CEO ta’ Housing Projects Solutions, il-Perit Thomas Tanti, iċ-Ċermen tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius u membri tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun.