Investiment ta’ Aktar Minn €870,000 f’Ħal Għaxaq biex Titjieb il-Kwalità tal-Ħajja tar-Residenti

Investiment ta’ aktar minn €870,000 f’Ħal Għaxaq biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, permezz tal- Awtorità tad-Djar , qed ikompli jinvesti f’diversi komunitajiet, din id-darba b’investiment ta’ aktar minn €870,000 f’Ħal Għaxaq permezz ta’ proġetti ta’ tisbiħ, manutenzjoni, installazzjoni ta’ liftijiet u titjib fl-ispazji pubbliċi.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, qal, “Dan l-investiment ikompli juri l-impenn tal-Awtorità tad-Djar, li, minbarra li tipprovdi akkomodazzjoni ta’ kwalità, tkompli tinvesti wkoll fl-ambjent u fil-komunitajiet fejn jgħixu r-residenti, sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.”

Is-Sindku ta’ Ħal Għaxaq, Karl Boxall, qal, “Dan l-investiment huwa xhieda tal-kollaborazzjoni b’saħħitha bejn il-Kunsill Lokali u l-Awtorità tad-Djar. Dawn il-proġetti mhux biss itejbu l-kundizzjoni tad-djar soċjali iżda jkomplu jtejbu l-lokalità tagħna u joffru ambjent aħjar għar-residenti.”

Xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ għaddejjin f’sitt blokki residenzjali b’investiment ta’ €609,829, li se jibbenefikaw 54 familja. Dawn ix-xogħlijiet, li bdew fl-aħħar ta’ April 2026, jinkludu manutenzjoni tal-faċċati, impermeabilizzazzjoni tas-soqfa, tikħil u żebgħa tas-soqfa u tat-turġien, biex il-bini jiġi protett aħjar mit-temp u jinżamm f’kundizzjoni fit-tul.

Fl-istess ħin, għaddejjin ukoll xogħlijiet biex jiġu installati żewġ liftijiet fi Blokk B f’Ħal Għaxaq, b’investiment ta’ €235,000, biex titjieb l-aċċessibilità għar-residenti.

Barra minn hekk, matul l-2026, l-Awtorità tad-Djar daħlet fi ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq biex twettaq xogħlijiet ta’ tisbiħ, manutenzjoni u tisbiħ fil-Ġnien Emanuel Vassallo u madwaru. Għal dan il-għan, l-Awtorità allokat għotja ta’ €30,000 biex ittejjeb l-ispazji pubbliċi fiż-żona tad-djar soċjali u toħloq ambjent aktar sabiħ u aċċessibbli għar-residenti.

Għal din iż-żjara attendew iċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar, Robert Ducker, is-Segretarju Permanenti, Ramon Deguara, u s-Sindku ta’ Ħal Għaxaq, Karl Boxall.