Proġett ta’ Akkomodazzjoni Soċjali Ġdida fil-Qrendi

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBIL

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, flimkien ma’ uffiċjali tal-Awtorità tad-Djar, żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Qrendi.

L-esperti responsabbli minn dan il-proġett ikkonfermaw li l-proġett miexi b’pass tajjeb ħafna. B’investiment ta’ madwar €5.5 miljun, dan il-proġett se jinkludi 28 appartament ġdid u 15-il garaxx.

Matul iż-żjara, il-Ministru Galdes saħaq li dan il-proġett se joffri saqaf sigur u dinjituż lil 28 familja. “Dan il-proġett, flimkien mal-oħrajn li diġà wettaqna, kif ukoll dawk li qed inwettqu, huwa xhieda tal-wegħda tagħna li nkomplu nipprovdu aktar proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi. Proġetti ta’ kwalità għolja, fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, bħal dan il-proġett fil-Qrendi, li jkompli jagħmel differenza fil-ħajjiet ta’ aktar benefiċjarji,” qal il-Ministru Galdes.

Il-Ministru qal li l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa dwar l-akkomodazzjoni soċjali qed jagħtu riżultati pożittivi, partikolarment għall-familji li jeħtieġu għajnuna mill-Istat.