STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBIL
€900,000 investiti fi proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali li se jwassal għal ħames unitajiet residenzjali moderni fis-Siġġiewi.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar il-proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi li tlesta dan l-aħħar. Dan il-proġett għandu l-għan li jipprovdi ħames unitajiet residenzjali moderni għal ħames familji. Kull unità residenzjali għandha garaxx taħt l-art bi spazji għall-parkeġġ u lift, li jipprovdi aċċess faċli għas-sulari kollha u jtejjeb il-konvenjenza u l-aċċessibbiltà għar-residenti.
Ix-xogħlijiet kollha ġew implimentati mill-Housing Projects Solutions Ltd (HPS) f’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar, li ħadet ħsieb il-bini, it-tħaffir tal-blat, l-installazzjoni u l-irfinar finali, filwaqt li żgurat li kull pass ikun konformi mal-istandards għoljin ta’ kwalità, sigurtà u aċċessibilità.
B'investiment totali ta' madwar €900,000, il-proġett jinkludi wkoll sistemi tal-elettriku, finitura interna u esterna, art, tikħil, protezzjoni mill-ilma u twaħħil ta' aperturi, xogħlijiet li jiżguraw ambjent residenzjali sigur, filwaqt li jipprovdu lill-familji residenza komda u moderna.
“Dan il-proġett mhux biss joffri residenza sigura u deċenti lil ħames familji iżda huwa wkoll evidenza ċara tal-impenn tal-Gvern li jipprovdi akkomodazzjoni affordabbli u inklużiva f’Malta,” qal il-Ministru Galdes. Huwa enfasizza kif proġetti bħal dawn jagħmlu differenza reali fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji u kkonferma li l-Gvern se jkompli jinvesti f’residenzi ta’ kwalità li jappoġġjaw il-komunità u jtejbu l-istandards tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi.

