STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBIL
F'7 snin is-sussidju fuq il-kera żdied b'7 darbiet
L-iżvilupp u l-evoluzzjoni tas-suq tal-kiri fl-aħħar ħmistax-il sena kienu s-suġġetti ewlenin li ssemmew f’konferenza li matulha l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes irrefera għar-riformi mwettqa f’dan is-settur.
Huwa qal li minn settur li kien jopera waħdu, fl-2020 il-Gvern introduċa riforma b’saħħitha li poġġiet il-pedamenti għal suq tal-kiri modern. Għall-ewwel darba, ġie introdott qafas leġiżlattiv, li taħtu bdiet issir ir-reġistrazzjoni obbligatorja għal kuntratti tal-kiri privati; ġie stabbilit l-iqsar terminu ta’ kiri filwaqt li l-Awtorità tad-Djar saret ir-regolatur tas-suq tal-kiri privat.
Il-Ministru Galdes ħabbar li fl-aħħar ħames snin, l-għadd ta’ kuntratti ta’ kiri żdied minn madwar 27,000 fi tmiem l-2020 għal aktar minn 71,000 fil-bidu ta’ Ottubru ta’ din is-sena.
Huwa qal li l-gvern se jkompli jaħdem biex ikabbar l-istokk ta’ akkomodazzjoni affordabbli biex inaqqas il-pressjoni fuq is-suq privat. Huwa semma bħala eżempju kif l-ispiża fuq l-iskema ta’ benefiċċju tal-akkomodazzjoni, sussidju tal-kera, żdiedet minn €1.6 miljun fl-2017 għal kważi €11-il miljun fl-2024.
Biex titrawwem aktar stabbiltà fis-suq, qal il-Ministru Galdes, il-Gvern introduċa inċentivi fiskali għal kirjiet fit-tul filwaqt li nħoloq ukoll bord biex isolvi kwistjonijiet bejn is-sid u l-kerrej b'mod trasparenti u ġust. Ir-riforma wasslet ukoll għall-ħolqien ta' reġistru tal-kirjiet li sar għodda indispensabbli biex jiġu analizzati x-xejriet tas-suq, jiġu identifikati abbużi u pressjonijiet fuq l-affordabbiltà tal-kirjiet.
Il-Ministru Galdes irrefera għall-emendi leġiżlattivi ta’ Settembru li għadda li kienu r-riżultat ta’ djalogu miftuħ u kontinwu bejn il-Ministeru, l-Awtorità tad-Djar, is-sidien, il-kerrejja, l-aġenti tal-proprjetà u r-rappreżentanti tal-komunità.
L-emendi leġiżlattivi introdotti kellhom l-għan li jnaqqsu l-burokrazija, l-abbużi u introduċew limiti fuq l-għadd ta’ residenti għal kull kamra tas-sodda. Il-Ministru Galdes enfasizza li b’hekk sar pass lejn ekwilibriju tas-suq biex jiġu protetti d-drittijiet kemm tas-sidien kif ukoll il-benesseri tar-residenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, stqarr li, “Is-settur tal-kiri żviluppa f’suq bi prospetti ekonomiċi qawwija li jittrattaw l-investiment. Qed nużaw l-istudji u l-għarfien tal-Awtorità biex insaħħuh b’mod li jibqa’ sostenibbli u dinamiku għall-bżonnijiet tal-poplu u l-familji Maltin fil-ħajja ta’ kuljum.”
