The Housing Landscape: How are we shaping the future?

Matthew Zerafa u Brian Micallef   

Politiki effettivi tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu msejsa fuq riċerka bbażata fuq l-evidenza biex jiġu indirizzati sfidi kumplessi bħal dik tal-affordabbiltà, il-mobilità soċjali u l-iżvilupp urban. Barra minn hekk, politiki bħal dawn għandhom jiżguraw li l-istrateġiji għall-akkomodazzjoni mhumiex biss soluzzjonijiet għall-istat attwali fis-suq iżda li jkunu kapaċi wkoll jantiċipaw il-ħtiġijiet futuri.

Matul l-aħħar għaxar snin, Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku u demografiku kbir fi żmien qasir li rriżulta f'bidla fil-ħtiġijiet demografiċi u tal-akkomodazzjoni. Ħaddiema barranin, l-aktar fl-età tax-xogħol, għandhom preferenzi u ħtiġijiet differenti mill-Maltin, fejn ifittxu l-aktar is-suq tal-kiri privat mentri numru dejjem jikber ta' turisti qed jagħżlu li joqogħdu f'akkomodazzjoni għal żmien qasir. Barra minn hekk, irid jissemma' li l-popolazzjoni Maltija qed tixjieħ, bir-rata baxxa ta' fertilità fis-soċjetà flimkien ma' stennija tal-għomor - dan kollu qed iwassal biex id-daqs tad-dar Maltija dejjem qed jiċkien.Għalkemmis-suq tal-iżvilupp baqa' fis-sod, il-bidla demografika fil-popolazzjoni Maltija ġabet magħha ħtiġijiet ġodda li kull ma jmorru dejjem qed jevolvu.

L-Awtorità tad-Djar għandha rwol importanti fis-suq tal-akkomodazzjon ta' Malta billi tiżgura aċċess għal proprjetajiet adegwati u affordabbli. Fost il-ħafna rwoli li taqdi, l-Awtorità tqassam ukoll djar soċjali, biex tipprovdi xibka ta' sigurtà kruċjali għall-aktar familji vulnerabbli. Barra minn hekk, l-Awtorità tamministra diversi skemi biex tiffaċilita li persuni jsidu sidien u tipprovdi wkoll assistenza għall-kiri, u tkun ta' sostenn għall-iindividwi u l-familji għal stabbiltà. Notevolment, fl-aħħar ħames snin, permezz tal-inizjattivi tagħha, l-Awtorità għenet familja kull jumejn biex issir sid darha. Mill-2020, serviet ukoll bħala r-regolatur tas-suq tal-kiri privat f'Malta,  biex tiżgura prattiki ġusti tipproteġi l-inkwilini. Bħala l-akbar sid ta' artijiet f'Malta, l-Awtorità hija impenjata għar-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-istokk tad-djar soċjali, b'investiment ta' madwar €30.5 miljun mill-2020 fir-riġenerazzjoni u t-tisbiħ tal-akkomodazzjoni soċjali, kif ukoll fit-tiswijiet u l-manutenzjoni.

Permezz ta' dawn il-funzjonijiet, l-Awtorità tad-Djar għandha rwol ewlieni biex issawwar l-ambjent tal-akkomodazzjoni ta' Malta. Dan tista' twettqu billi tippromwovi l-inklużjoni soċjali, kif ukoll billi tindirizza l-isfidi li qed jevolvu f'suq dinamiku u li dejjem qed jikber.

Biex tkompli ttejjeb u tifrex id-diskussjoni dwar is-suq lokali tal-akkomodazzjoni, fit-30 ta' April 2025, l-Awtorità se tkun qed torganizza konferenza nazzjonali bit-titlu "The Housing Landscape: How are we shaping the future?''. Dan l-avveniment se jipprovdi pjattaforma għall-partijiet interessati biex jirriflettu fuq il-passat, janalizzaw l-isfidi attwali, u jiddiskutu l-futur ta' dan is-settur f'Malta. Il-konferenza se tgħin tenfasizza l-importanza ta' politiki proattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jevolvu u biex jiġu żgurati soluzzjonijiet għal akkomodazzjonijiet sostenibbli u inklussivi għall-ġenerazzjonijiet futuri.

 
Aqbeż għall-kontenut

Il-konferenza se tinkludi preżentazzjoni ewlenija minn kelliem internazzjonali, li se tipprovdi analiżi komparattiva tal-politiki tal-akkomodazzjoni madwar il-pajjiżi Ewropej. Din il-perspettiva transnazzjonali hija maħsuba biex tenfasizza l-aħjar prattiċi u approċċ innovattivi għall-isfidi li jġib miegħu dan is-settur, filwaqt li toffri għarfien siewi għas-settur tal-akkomodazzjoni ta' Malta.

Il-konferenza se tlaqqa' flimkien partijiet interessati ewlenin minn setturi differenti, inklużi dawk li jfasslu l-politika, l-iżviluppaturi, NGOs, u akkademiċi, biex jitqajjmu wħud mill-aktar kwistjonijiet urġenti. Il-konferenza mistennija tkompli wkoll b'diskussjoni f'panel li mistennija tesplora mudelli alternattivi ta' finanzjament tad-djar f'Malta u l-irwol potenzjali tal-kooperattivi tad-djar. It-tieni panel se jiddiskuti l- affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u l-innovazzjoni tal-politika, li jaf tesplora kwistjonijiet bħal sħubijiet pubbliċi-privati, programmi ta' assistenza għall-kiri, u bidliet fir-regolamenti tal-ippjanar. L-esperti mistiedna mistennija jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar kif il-provvista tad-djar tista' tiġi diversifikata biex tissoddisfa t-talbiet ta' popolazzjoni li kull ma jmur dejjem qed tevolvi u tinbidel. 

Il-konferenza se tilħaq il-qofol tagħha mat-tnedija ta' ktieb komprensiv dwar l-evoluzzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali f'Malta mill-perjodu ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija, sal-lum. L-akkomodazzjoni soċjali hija element indispensabbli għax-xibka ta' sigurtà soċjali tal-pajjiż, bil-għan li tipprovdi spazji tal-għajxien affordabbli u dinjitużi għal dawk li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji u soċjali.

Il-ktieb jadotta approċċ multidimensjonali fejn bosta aspetti tal-akkomodazzjoni soċjali—deċiżjonijiet ta' politika, konsiderazzjonijiet għall-ispazju urban, id-disinn u l-estetika tal-akkomodazzjoni, u bidliet soċjo-demografiċi. In-narrattiva hija kkumplimentata minn kollezzjoni estensiva ta' ritratti tal-akkomodazzjoni soċjali f'diversi lokalitajiet madwar Malta, u vinjetti, bħal ordnijiet ta' rekwiżizzjoni, rapporti mill-Kummissjoni dwar il-Ħsara tal-Gwerra, u dokumentazzjoni minn proġetti ta' tneħħija ta' mandraġġi, maħsuba biex jżidu aktar importanza lil dan ix-xogħol biex iwaħħad konnessjoni mal-passat.

Bħall-konferenza, dan il-ktieb jista' jservi bħala l-pedament għall-partijiet interessati ewlenin biex jidħlu f'diskussjoni xierqa dwar it-triq 'il quddiem għad-djar soċjali, filwaqt li jmiss suġġetti bħal politika usa' tad-djar, u l-fehim multidixxiplinari stabbilit tas-sistema ta' akkomodazzjoni f'Malta.   

Matthew Zerafa huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar. Brian Micallef huwa l-Kap Eżekuttiv responsabbli għad-dipartiment tad-Diġitalizzazzjoni, il-Legal u l-Komunikazzjonijiet fi ħdan l-Awtorità. Dawk interessati li jattendu l-konferenza jistgħu jirreġistraw online billi jżuru www.housinglandscape.mt

 
Aqbeż għall-kontenut