Proġett Ġdid ta’ Akkomodazzjoni Soċjali fil-Mellieħa

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBIL

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar il-proġett il-ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Mellieħa. Dan il-proġett se jipprovdi tmien unitajiet residenzjali moderni b’żewġ appartamenti f’kull sular, iddisinjati apposta biex joffru spazju komdu u aċċessibbli.

Il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta’ investimenti li l-Awtorità tad-Djar qed twettaq f’kollaborazzjoni mal-Housing Projects Solutions Ltd (HPS). L-investiment totali għal dan il-proġett jammonta għal madwar €850,000, li jirrifletti impenn ċar biex jinħolqu residenzi moderni u sostenibbli fil-komunità tal-Mellieħa.

Il-Ministru Roderick Galdes qal li dan huwa wieħed minn diversi proġetti li qed jitwettqu madwar il-pajjiż sabiex il-komunitajiet jibbenefikaw minn residenzi moderni, aċċessibbli u affordabbli, filwaqt li l-Gvern ikompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu favur l-inklużjoni soċjali u l-benesseri tan-nies.

“Dan il-proġett fil-Mellieħa juri b’mod ċar l-impenn tagħna li nkomplu noffru residenzi sikuri u ta’ kwalità lill-familji Maltin u Għawdxin. Aħna impenjati li nkomplu ninvestu f’akkomodazzjoni li tirrispetta d-dinjità tan-nies u tipprovdi stabbiltà lill-familji,” qal il-Ministru Galdes.