Imwaqqfa fil-11 ta' Ottubru 1976, l-Awtorità tad-Djar timmarka l- 50 Anniversarju tagħha din is-sena, u tiċċelebra ħames deċennji ta' impenn u xogħol dedikat biex tipprovdi opportunitajiet ta' akkomodazzjoni soċjali deċenti u affordabbli, tippromwovi l-istabbiltà, u tappoġġja l-mobilità soċjali madwar Malta.
Matul is-snin, l-Awtorità evolviet minn provvista primarja ta' akkomodazzjoni soċjali għal erba' funzjonijiet ewlenin:
- Allokazzjoni ta' Akkomodazzjoni Soċjali : Tipprovdi xibka ta' sigurtà kruċjali għal familji bi dħul baxx permezz ta' akkomodazzjoni stabbli u affordabbli. Dan ir-rwol kiber permezz ta' inizjattivi speċjalizzati fl-akkomodazzjoni , u b'hekk resaq lejn soluzzjonijiet imfassla apposta li jindirizzaw il-bżonnijiet ta' gruppi soċjetali differenti.
- Skemi ta' Affordabbiltà : Skemi u servizzi mmirati lejn it-titjib tal-affordabbiltà tad-djar, inklużi skemi ta' affordabbiltà għas-sjieda ta' dar u għall-kiri, kif ukoll inizjattivi li jtejbu l-poter tal-akkwist u jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni tal-proprjetà.
- Regolatur tas-Suq tal-Kiri Residenzjali Privat
- Ġestjoni tal-Proprjetà : Tissorvelja r-rinovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-istokk tad-djar tagħha, inklużi l-installazzjonijiet tal-liftijiet u t-tisbiħ tal-unitajiet eżistenti, kif ukoll il-konformità kemm fis-suq tal-proprjetà privata kif ukoll f'bini tal-gvern.
Dawn l-iskemi, li jgħinu aktar minn 12,000 familja kull sena , għandhom impatt pożittiv fuq il-familji u jiġu aġġornati kontinwament biex jirriflettu l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-komunità Maltija u tas-suq tal-proprjetà.
Ix-xogħol tal-Awtorità jmur lil hinn mill-iskemi u s-servizzi, u jirrifletti l-impenn tagħha għat-trasparenza permezz ta’ pubblikazzjonijiet bħal ‘Beyond Walls’ u ‘ More than Just a Roof ’, kif ukoll żieda fil-komunikazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni f’avvenimenti bħal Freshers’ Week, il-Public Service Expo, u diversi konferenzi.
Hekk kif nirriflettu fuq il-vjaġġ tal-Awtorità, din l-evoluzzjoni ma kinitx tkun possibbli mingħajr id-dedikazzjoni u l-kontribut tal-impjegati tal-passat u tal-preżent.
