Bini li bħalissa huwa taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet ġie trasferit lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, b’kooperazzjoni sħiħa mal-Awtorità tad-Djar, għal perjodu ta’ kiri ta’ ħames snin. L-għan huwa li dan il-bini jiġi żviluppat biex iservi bħala s-sala l-ġdida tal-Kunsill.
Diversi korsijiet u servizzi għall-komunità huma mistennija li jiġu offruti f’din is-sala, inkluż il-faċilità biex il-pubbliku jħallas il-kontijiet mingħajr ma jkollu għalfejn imur iż-Żejtun, kif ukoll spazju ddedikat għall-anzjani, fost inizjattivi oħra. Dan il-post jinsab fin-numru 1, Triq il-Labour, Ħal Għaxaq, u għandu erja ta’ ftit aktar minn 75 metru kwadru.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dan il-proġett huwa xhieda oħra tal-fiduċja tal-Gvern fil-Kunsilli Lokali. Huwa spjega li dan it-trasferiment qed isir permezz ta’ ħidma konġunta bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar, biex jipprovdu bini lill-Kunsill Lokali għall-benefiċċju tar-residenti.
Permezz ta’ dan it-trasferiment, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq eventwalment se jkollu spazju akbar, aħjar u aktar aċċessibbli fejn jaħdem għall-benefiċċju tal-familji u r-residenti tal-lokalità. “Il-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ u jappoġġja lill-kunsilli lokali biex iwettqu xogħolhom favur il-familji u r-residenti. L-allokazzjoni ta’ dan l-ispazju ġdid bħala uffiċċji tal-kunsill hija prova ċara ta’ dan l-impenn, li jtejjeb is-servizzi, isaħħaħ il-preżenza fil-komunità, u joffri ambjent aktar adegwat u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jkompli jibni komunitajiet aktar b’saħħithom u inklużivi għall-benefiċċju ta’ kulħadd,” qal Dr Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Andy Ellul, spjega kif din id-deċiżjoni se tkun ta’ benefiċċju għar-residenti ta’ Ħal Għaxaq. Dan għaliex issa se jkun hemm ċentru li jipprovdi faċilitajiet u servizzi li qabel ir-residenti kellhom jivvjaġġaw barra mir-raħal biex jaċċessaw.
Dr Ellul spjega li din hija indikazzjoni ċara tal-impenn tal-Gvern li jappoġġja u jinvesti fil-komunitajiet. “B’din id-deċiżjoni, il-Kunsill Lokali se jkun f’pożizzjoni aħjar biex ikompli l-ħidma tiegħu għall-familji u r-residenti, għax dan se jtejjeb is-servizzi u jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-komunità.”
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, Karl Boxall, laqa’ l-aħbar u enfasizza kemm dan il-proġett se jkun ta’ benefiċċju għall-komunità. Huwa spjega li dan il-post se jipprovdi spazju addizzjonali fejn ir-residenti jistgħu jiltaqgħu, jattendu attivitajiet u jgawdu minn kumdità akbar, b’benefiċċji diretti għar-residenti kollha ta’ Ħal Għaxaq.
It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella; il-Kap Uffiċjal tal-Awtorità tad-Djar, Romina Fenech; Karl Boxall, Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq; u s-Segretarju Eżekuttiv Fiona Cutajar.