Dokument li jiddeskrivi d-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta’ dawk li jidħlu f’kuntratt ta’ kiri se jiġi żviluppat wara l-konsultazzjoni pubblika dwar il-Karta tax-Xerrejja.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici ħabbar li se jiġi żviluppat dokument li jipprovdi aktar informazzjoni dwar id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ dawk li jidħlu fi ftehim ta’ kiri, flimkien mal-Karta tax-Xerrejja, li diġà qed titħejja. It-tħabbira saret waqt konferenza organizzata mill- Awtorità tad-Djar ma’ professjonisti fis-settur tal-proprjetà.
Din l-inizjattiva ġdida ssegwi l-konsultazzjoni pubblika tal-Karta tax-Xerrejja, li rċeviet 33 sottomissjoni. Ir-rispons enfasizza l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni mhux biss lil dawk li jixtru proprjetà iżda wkoll lil dawk li jgħixu fi proprjetajiet mikrija, li jeħtieġu aktar informazzjoni, ċarezza u riassigurazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
Il-Ministru Bonnici spjega li ż-żewġ inizjattivi huma parti mill-impenn usa’ tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ it-trasparenza, iċ-ċertezza u l-fiduċja fis-settur tal-proprjetà, filwaqt li jżomm lin-nies fiċ-ċentru tal-politika tad-djar.
“Għal ħafna nies u familji, ix-xiri ta’ proprjetà huwa wieħed mill-aktar passi importanti f’ħajjithom. Madankollu, għandha tingħata l-istess importanza lil dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni mikrija. Irridu li kemm ix-xerrejja kif ukoll il-kerrejja jifhmu aħjar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jkollhom gwida ċara dwar x’għandhom jistennew,” qal il-Ministru.
Il-Karta tax-Xerrejja ilha prijorità mill-ewwel 100 jum tal-Gvern. Għandha l-għan li tagħti lix-xerrejja fehim aħjar tal-proċess tax-xiri tal-proprjetà, id-drittijiet tagħhom u r-responsabbiltajiet li jieħdu.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li inizjattivi bħal dawn ma jistgħux jiġu żviluppati mingħajr djalogu u konsultazzjoni ma’ dawk involuti fis-settur. Għalhekk, il-kontribut tal-professjonisti huwa essenzjali biex jiġi żgurat li dawn id-dokumenti jirriflettu l-bżonnijiet reali tan-nies u jkunu prattiċi u effettivi fl-applikazzjoni tagħhom.
Il-Ministru Bonnici rrikonoxxa r-rwol importanti tan-nutara, ir-rappreżentanti tal-banek, l-aġenti tal-proprjetà, l-iżviluppaturi u professjonisti oħra li jappoġġjaw individwi u familji matul il-proċessi tax-xiri u l-kiri tal-proprjetà fuq bażi ta’ kuljum.
Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi enfasizza li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-Awtorità tad-Djar u l-professjonisti hija kruċjali biex jinħoloq settur tal-proprjetà aktar trasparenti u effiċjenti, fejn ix-xerrejja u l-kerrejja jkunu aktar infurmati, protetti u kunfidenti fid-deċiżjonijiet tagħhom.





