Żjara fi proġett ta’ akkomodazzjoni f’Ħaż-Żebbuġ li jinkludi 55 unità residenzjali ġdida għal familji vulnerabbli.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq proġett ta’ bini f’Ħaż-Żebbuġ li jinsab fi Triq Luigi Fontana, fil-junction ma’ Triq Serafin Tanti u Triq Ħal Sajd.
Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ 55 unità residenzjali għal familji vulnerabbli, imqassma madwar l-art, l-ewwel, it-tieni u t-tielet sular. Il-proġett jinkludi wkoll 33 garaxx u 12-il spazju għall-parkeġġ taħt l-art.
Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici ġie aġġornat dwar il-progress tal-proġett u x-xogħlijiet li għaddejjin, li jirriflettu impenn kontinwu għat-tisħiħ tal-akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna.
“L-investiment fid-djar huwa investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Għalina, huwa importanti li nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet għall-familji li ġenwinament għandhom bżonn l-għajnuna biex isibu stabbiltà, serħan tal-moħħ u post li jistgħu jsejħu dar. Proġetti bħal dawn huma parti minn sforzi konkreti biex niżguraw li ħadd ma jitħalla lura,” qal il-Ministru Bonnici.
Ix-xogħol bħalissa qed jiffoka fuq il-konsolidazzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-iskavar, partikolarment fit-taqsima biswit il-proprjetajiet tal-ġirien. Dan qed isir permezz tal-installazzjoni ta' pali u l-kostruzzjoni ta' trave ta' għata biex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona matul il-fażijiet sussegwenti tal-proġett.
L-investiment f’dan il-proġett jammonta għal €6 miljun, bit-tlestija mistennija f’Settembru 2028.
Preżenti wkoll waqt iż-żjara kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Housing Projects Solutions, il-Perit Thomas Tanti u ċ-Ċermen tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker.
