Żieda fl-Appoġġ għall-Akkomodazzjoni għall-Familji permezz ta’ Tliet Bidliet Pożittivi fl-Iskema tax-Xerrejja tal-Ewwel Darba

L-għajnuna għal persuni b'diżabilità se tiżdied għal €20,000

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici ħabbar tliet bidliet pożittivi fl- Iskema għall-Ewwel Xerrej ta’ Proprjetà Immobbli , bl-aktar waħda importanti tkun li l-assistenza mogħtija lil persuni b’diżabilità se tirdoppja għal €20,000.

L-Iskema għall-Ewwel Xerrej tipprovdi assistenza ta’ €1,000 fis-sena għal perjodu ta’ għaxar snin biex tappoġġja liż-żgħażagħ matul l-ewwel snin wara li jixtru l-ewwel dar tagħhom. Għal persuni b’diżabilità, din l-għotja issa se tiżdied għal €20,000.

Din hija waħda mill-miżuri tal-Manifest Elettorali li qed tiġi implimentata matul l-ewwel 100 jum tal-Gvern u, fi kliem il-Ministru Bonnici, turi l-impenn li l-għajnuna tkun aktar ġusta u mmirata lejn dawk li l-aktar jeħtiġuha.

Il-Ministru Bonnici qal, “L-għan tagħna hu li nkomplu nagħtu appoġġ konkret lill-familji sabiex aktar nies ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom. B’dan il-pakkett ta’ tliet bidliet li qed inħabbru llum, qed insaħħu l-assistenza għal persuni b’diżabilità, filwaqt li nkomplu naġġornaw l-iskemi tagħna skont ir-realtajiet u l-bżonnijiet tal-lum.”

Bidliet fl-FTB PR 4
Bidliet fl-FTB PR 3
Bidliet fl-FTB PR 2
Bidliet fl-FTB PR 1

Il-Ministru Bonnici ħabbar ukoll li l-iskema qed tiġi aġġornata biex tkopri każijiet fejn proprjetà ngħatat b’donazzjoni wara l-2022, u sussegwentement ittieħed self għall-kostruzzjoni jew it-tlestija tal-istess dar. Dawn il-persuni issa se jibbenefikaw ukoll minn €1,000 fis-sena għal għaxar snin.

Barra minn hekk, l-iskema se tiġi estiża wkoll għal xerrejja oħra li mhumiex xerrejja għall-ewwel darba, iżda li t-tieni residenza tagħhom se tkun ir-residenza primarja u unika tagħhom, u li ma jippossjedu l-ebda proprjetà oħra. Din it-tielet bidla għalhekk se tindirizza sitwazzjonijiet differenti, inklużi persuni separati li jeħtieġu jixtru proprjetà ġdida biex isservi bħala r-residenza primarja tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal, “Wara kull applikazzjoni, hemm persuna jew familja li taspira li ssir sid ta’ dar. Madankollu, mhux kulħadd jibda mill-istess punt, u ċ-ċirkostanzi tal-ħajja jinbidlu. Għalhekk, l-emendi li qed inħabbru llum huma maħsuba preċiżament biex jiżguraw li l-appoġġ jilħaq lil dawk li jeħtiġuh b’mod aktar ġust, inklużi persuni b’diżabilità, persuni separati u familji li sabu ruħhom jiffaċċjaw realtajiet differenti. Nibqgħu impenjati li nkomplu nisimgħu lin-nies, nifhmu r-realtajiet tagħhom u nadattaw l-iskemi tagħna sabiex aktar nies ikollhom opportunità reali li jsiru sidien ta’ dar.”

F’Malta, madwar 85% tal-familji Maltin għandhom proprjetà tagħhom. Din tibqa’ waħda mill-aspirazzjonijiet ewlenin tal-familji, partikolarment iż-żgħażagħ li qed jieħdu dan il-pass importanti f’ħajjithom. L-Awtorità tad-Djar toffri portafoll wiesa’ ta’ skemi biex tgħin lill-familji jsiru sidien ta’ darhom u ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jlaħħqu mal-ispejjeż assoċjati max-xiri u ż-żamma ta’ proprjetà. Bħala medja, familja waħda kuljum tibbenefika minn waħda mill -iskemi tal-Awtorità tad-Djar biex tgħinhom isiru sidien ta’ dar.