Żjara fit-Turkija: L-Aqwa Prattiki fis-Settur tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli

Il-Ministru Owen Bonnici f’taħditiet tekniċi fit-Turkija dwar l-aħjar prattiki fis-settur tad-djar soċjali u affordabbli

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici kellu taħditiet tekniċi u żar diversi proġetti u faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’Istanbul, it-Turkija, bħala parti minn żjara mmirata lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiki fil-qasam tal-akkomodazzjoni.

Il-Ministru Bonnici kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Ramon Deguara; il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar , Matthew Zerafa; id-Direttur fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Matthew Borg; u l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għat-Turkija, Dr Marisa Farrugia.

Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici żar il-kampus tat-TOKİ f’Halkalı, Istanbul, fejn kellu laqgħa maċ-Chairman tat-TOKİ, Mustafa Levent Sungur, il-Viċi President tat-TOKİ, Ömer Caniklioğlu, il-Konsulent tal-President tat-TOKİ, Emre Karaçengel, il-Kap tad-Dipartiment tal-Implimentazzjoni, Murat Oskay, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ippjanar u l-Proġetti ta’ Istanbul, Serhat Günkan.

Matul din il-laqgħa, ġew diskussi l-esperjenzi ta’ TOKİ fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, kif ukoll il-mudelli adottati biex jiġu żviluppati proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali fuq skala kbira filwaqt li, fl-istess ħin, jinħolqu l-infrastruttura u s-servizzi meħtieġa għall-komunitajiet.

 

Saret ukoll żjara fiċ-Ċentru Komunitarju TOKİ, li jifforma parti mill-investiment fl-infrastruttura soċjali li jakkumpanja proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Is-sit tal-kostruzzjoni tat-TOKİ f'Kayabaşı ġie miżjur ukoll, u pprovda opportunità biex jiġi rivedut il-progress tal-proġett u kif qed tiġi żviluppata akkomodazzjoni soċjali u affordabbli flimkien mal-infrastruttura u l-ispazji komunitarji.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li din iż-żjara hija opportunità importanti għall-Ministeru biex ikompli jiskambja esperjenzi ma’ pajjiżi oħra dwar mudelli ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Din iż-żjara qed tagħtina l-opportunità li naraw direttament kif proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli fuq skala kbira jistgħu jiġu żviluppati flimkien mal-infrastruttura u s-servizzi li l-familji u l-komunitajiet jeħtieġu. L-għan tagħna huwa li nkomplu nitgħallmu minn esperjenzi differenti u li nsaħħu r-rabtiet ma’ pajjiżi oħra li għandhom esperjenza estensiva f’dan is-settur,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa enfasizza wkoll l-importanza li l-akkomodazzjoni soċjali ma tkunx limitata għall-bini ta’ djar residenzjali, iżda pjuttost tifforma parti minn viżjoni usa’ biex jinħolqu komunitajiet sostenibbli u reżiljenti, b’infrastruttura, spazji u servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji.