Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar il-Karta tax-Xerrejja biex tippromwovi aktar trasparenza u protezzjoni fix-xiri tal-proprjetà.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici nieda proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal għat-tfassil ta’ Karta tax-Xerrejja li tistabbilixxi prinċipji, standards u aspettattivi ċari għat-tranżazzjonijiet kollha ta’ proprjetà residenzjali.
Il -Karta tax-Xerrejja hija waħda mill-wegħdiet elettorali li qed jiġu indirizzati fl-ewwel 100 jum ta’ dan il-Gvern, u tirrifletti viżjoni li tirrikonoxxi li l-bżonnijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ persuna jistgħu jinbidlu matul ħajjitha.
Il-Ministru Bonnici stqarr, “Meta persuna tixtri proprjetà, tkun qed tieħu deċiżjoni li tista’ taffettwa ħajjitha, kif ukoll lill-familja tagħha, għal ħafna snin. Għalhekk irridu li x-xerrej ikun jaf eżattament x’inhuma d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu, għal xiex għandu joqgħod attent u x’għandu jagħmel jekk id-drittijiet tiegħu ma jiġux rispettati. Qed inġibu flimkien lill-partijiet interessati kollha biex nibnu, permezz ta’ konsultazzjoni, Karta tax-Xerrejja prattika, ċara u kredibbli. Din hija l-politika li tagħti aktar vuċi, aktar għarfien u aktar poter lill-konsumatur.”
Is-CEO tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal, “Ir-rwol tal-Awtorità tad-Djar mhux biss li tipprovdi assistenza fil-qasam tad-djar iżda wkoll li tikkontribwixxi għal suq tal-proprjetà li jaħdem aħjar għan-nies. Il-Karta tax-Xerrejja għandha tipprovdi opportunità biex jiġi stabbilit, flimkien mal-partijiet interessati f’dan is-settur, sett komuni ta’ prinċipji u aspettattivi li japplikaw għax-xerrejja kollha ta’ proprjetà residenzjali. L-ambizzjoni tagħna hija li din il-Karta sservi bħala dikjarazzjoni nazzjonali ta’ x’jikkostitwixxi prattika tajba fis-suq tal-proprjetà f’pajjiżna.”
Din l-inizjattiva se tibni fuq il- Gwida għax-Xerrejja għall-Ewwel Darba , introdotta mill-Awtorità tad-Djar is-sena l-oħra, iżda se jkollha ambitu ferm usa': mhux se tkun diretta biss lejn dawk li qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, iżda lejn kull xerrej ta' proprjetà residenzjali, irrispettivament mill-età, l-istadju tal-ħajja jew ir-raġuni għad-dħul fis-suq.
Il-Karta tax-Xerrejja se tkun ibbażata fuq prinċipji ta’ trasparenza, għarfien tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet, u għoti tas-setgħa lill-konsumatur, inkluża informazzjoni ċara dwar x’jista’ jagħmel xerrej meta d-drittijiet tiegħu ma jiġux rispettati.
Il-proċess se jgħaqqad flimkien atturi ewlenin fis-settur, inklużi żviluppaturi, aġenti tal-proprjetà immobbli, banek, periti, nutara u awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li tinħoloq għodda waħda, aċċessibbli u prattika. Din il-Karta se tenfasizza wkoll prattiki tajbin u sfidi li x-xerrejja għandhom ikunu konxji tagħhom qabel ma jieħdu waħda mid-deċiżjonijiet finanzjarji l-aktar importanti ta’ ħajjithom.
Kull min jixtieq jipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-Karta tax-Xerrejja jista’ jżur https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/2026/NL-0031-2026.aspx u jagħti l-opinjoni tiegħu. Il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa għal xahrejn.



