Il-benefiċjarji li d-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu tal-eliġibbiltà se jibbenefikaw minn tranżizzjoni ta’ sentejn fis-sussidju tal-kera
Mekkaniżmu ġdid għat-tnaqqis gradwali tal-benefiċċju tal-kera – wegħda oħra tal-Manifest Elettorali implimentata fl-ewwel 100 jum tal-Gvern.
Il-benefiċjarji li d-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu tal-eliġibbiltà iżda li jkomplu jgħixu bħala kerrejja fis-settur privat mhux se jitilfu l-għajnuna għall-kera f'daqqa, iżda se jibbenefikaw minn perjodu ta' tranżizzjoni ta' sentejn.
Dan ħabbar il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, li qal li din hija wegħda oħra tal-Manifest Elettorali li qed tiġi implimentata fl-ewwel 100 jum tal-Gvern.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li din il-bidla fl- Iskema tal-Benefiċċju tad-Djar (HBS), magħrufa wkoll bħala l-iskema tas-sussidju tal-kera, tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jagħmel l-għajnuna aktar ġusta, aktar immirata u sensittiva għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-familji.
Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern se jkompli jirrevedi u jaġġorna l-iskemi tal -Awtorità tad-Djar sabiex dawn ikomplu jirriflettu r-realtajiet ekonomiċi u soċjali tal-lum u jirrispondu b’mod effettiv għall-bżonnijiet tan-nies. Spjega wkoll li, taħt il-mekkaniżmu l-ġdid, il-benefiċjarji mhux se jitilfu s-sussidju immedjatament meta jaqbżu l-limitu tad-dħul. Minflok, il-benefiċċju se jitnaqqas gradwalment fuq perjodu ta’ sentejn.
Fl-ewwel sena, se jkomplu jirċievu 50% tal-benefiċċju li kienu qed jirċievu qabel, filwaqt li fit-tieni sena se jirċievu 25%. Il-Ministru Bonnici qal li dan se jipprovdi stabbiltà akbar għall-familji matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jipprevjeni li dawk li tejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jiġu penalizzati immedjatament.
L-Iskema tal-Benefiċċju tad-Djar hija waħda mill-istrumenti ewlenin tal-Awtorità tad-Djar biex tnaqqas il-piż tal-ispejjeż tad-djar fuq familji bi dħul baxx. Fl-2025, l-investiment f'din l-iskema laħaq l-€10.7 miljun, b'ftit inqas minn 4,000 familja li bbenefikaw minn dan is-sussidju matul is-sena.
Il-mekkaniżmu l-ġdid se japplika awtomatikament għall-benefiċjarji eliġibbli, mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni ġdida. Il-miżura hija wkoll parti mill-proċess ta’ diġitalizzazzjoni tal-Awtorità tad-Djar, li qed inaqqas iż-żmien bejn l-applikazzjoni u l-ewwel pagament u jnaqqas il-burokrazija għall-benefiċjarji.
Is-CEO tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, qal li b’dan il-mekkaniżmu ġdid, familji jew individwi li qed jimxu ’l quddiem f’ħajjithom mhux se jkollhom il-benefiċċju tal-kera tagħhom imwaqqaf ħesrem. Minflok, din l-għajnuna finanzjarja se titnaqqas darbtejn fuq perjodu ta’ sentejn. Dan se jippermetti lil dawk li jibbenefikaw minn din l-iskema jimxu ’l quddiem fil-ħajja b’mod sostenibbli u stabbli.



