Tnedija tal-Pubblikazzjoni “Lil hinn mill-Ħitan: Storja ta’ Akkomodazzjoni Soċjali”

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBIL

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes attenda u indirizza t-tnedija tal-pubblikazzjoni tal-Awtorità tad-Djar " Lil hinn mill-Ħitan: Storja tad-Djar Soċjali" . Din l-ewwel pubblikazzjoni komprensiva dwar id-djar soċjali f'Malta tippreżenta l-elementi akkademiċi, storiċi u artistiċi tas-settur, filwaqt li tenfasizza l-evoluzzjoni tiegħu permezz ta' riċerka storika mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, appoġġjata minn ritratti arkivjali.

“Meta naraw minn fejn tlaqna bħala pajjiż u fejn qegħdin illum, wieħed ma jistax ma jirrimarkax il-progress li sar f’dan is-settur. Din l-evoluzzjoni tinħass kuljum permezz tax-xogħol li nwettqu u qed tħalli differenza tanġibbli kbira fil-ħajjiet tal-benefiċjarji,” spjega l-Ministru Roderick Galdes.

L-istorja tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna hija magħquda profondament mal-istorja soċjali ta’ pajjiżna; il-kriżi li ġabet magħha t-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll l-isforzi kontinwi biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali, billi dawn l-istess sfidi jinbidlu f’opportunitajiet.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-ħtieġa għal akkomodazzjoni soċjali saret aktar ta’ prijorità. Illum, hemm madwar 8,000 unità ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar il-pajjiż. Il-Ministru Galdes enfasizza li l-prinċipju gwida wara dan l-approċċ huwa li l-akkomodazzjoni dinjituża mhix biss neċessità bażika, iżda dritt fundamentali li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-isfond soċjali.

Barra minn hekk, il-ministru spjega kif matul is-snin, il-mudelli ta’ akkomodazzjoni soċjali ddiversifikaw, minn proġetti fuq skala kbira għal inizjattivi aktar speċifiċi mfassla biex jindirizzaw il-bżonnijiet individwali ta’ kull persuna. Filwaqt li enfasizza proġetti li fihom l-Awtorità tad-Djar ħadmet id f’id ma’ NGOs biex twessa’ s-servizzi, il-ministru semma wħud minnhom fosthom: Dar Bla Hitan, Dar Teresa, Dar il-Kantuniera, kif ukoll Dar Qawsalla. “Dawn il-proġetti kollha għandhom objettivi differenti, iżda kollha juru kemm fil-prattika qed inwettqu politika li tħares lejn il-bżonnijiet olistiċi tal-individwu; politika li tħalli marka fis-soċjetà Maltija u Għawdxija,” qal il-Ministru Galdes.

 Din id-diversifikazzjoni turi bidla li tirrifletti l-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull soċjetà, li jevolvu kontinwament. Konsegwentement, il-Ministru Galdes semma proġetti ta’ riġenerazzjoni f’żoni ta’ djar antiki, kif ukoll proġetti ta’ liftijiet, li qed jgħollu aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

“L-akkomodazzjoni soċjali tibqa’ prijorità għalina. Dan l-impenn huwa rifless mhux biss fil-kliem iżda f’azzjoni kontinwa, bi proġetti ġodda li qed jiġu implimentati kuljum. Is-sena l-oħra biss, ġew allokati madwar 514-il unità ta’ akkomodazzjoni soċjali. Bħalissa għaddej xogħol fuq diversi proġetti oħra, inkluż l-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali li qatt sar f’pajjiżna, li jinsab f’sit f’Ħal Farruġ,” qal il-Ministru Galdes.

Il-ministru kkonkluda bil-kliem “L-istorja mhux biss tkompli tgħallimna, iżda fuqha nistgħu nkomplu nibnu viżjoni b’saħħitha għas-snin li ġejjin. Fl-isfond ukoll tal-Viżjoni 2050 imħabbra mill-Gvern, inħoss li r-riċerka wara l-ktieb li qed inniedu llum, tkompli turi r-rieda li nitgħallmu l-istorja ta’ pajjiżna, iżda wkoll li nwasslu politika proattiva li taqdi l-bżonnijiet tal-lum u ta’ għada tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa stqarr li dan il-ktieb se jservi bħala stedina għal diskussjoni matura li twassal għal viżjoni ċara dwar il-futur tad-Djar f’Malta.