STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBIL
F’sentejn €150 miljun investiti fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli
L-evoluzzjoni tas-suq tad-djar, il-ħtiġijiet preżenti u futuri u l-istrateġija tal-Gvern f'dan il-qasam ġew diskussi f'konferenza "Id-Dar ta' Għada" li ġabret flimkien esperti u diversi kelliema f'dan il-qasam.
Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li 377 allokazzjoni ġdida ta’ akkomodazzjoni soċjali diġà ngħataw fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena. Flimkien mal-550 allokazzjoni tas-sena l-oħra, dawn l-allokazzjonijiet ġodda pprovdew akkomodazzjoni għal aktar minn 900 familja.
Il-Ministru Galdes qal li bejn is-sena li għaddiet u din is-sena, il-Gvern investa madwar €150 miljun f’akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, filwaqt li se jkompli jappoġġja dan l-investiment anke matul is-sena d-dieħla.
Il-Ministru Galdes qal li matul l-2024 kien hemm aktar minn 12,300 familja li bbenefikaw minn skemi tal-Awtorità tad-Djar bħall-iskema tal-ewwel xerrejja u l-iskema tal-qsim tal-ekwità. Filwaqt li 85% tal-familji Maltin huma sidien ta’ djar, il-Gvern se jkompli joffri aktar alternattivi lil dawk li ma jikkwalifikawx għal akkomodazzjoni soċjali. Huwa semma l-proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli flimkien mal-Knisja li jipprovdi għal 260 appartament għall-bejgħ bi prezz ta’ 30% orħos mill-prezz tas-suq. Il-Ministru Galdes irrefera wkoll għal inizjattivi ġodda li se jitniedu inkluż il-kunċett ta’ kooperattivi fil-qasam tal-akkomodazzjoni marbuta mal-komunità.
Il-Ministru Galdes semma wkoll li l-Gvern se jkompli jappoġġja lill-anzjani u l-vulnerabbli b’mezzi għal stairlifts u lifts ġodda biex jiffaċilitaw il-mobilità fid-djar tagħhom. Huwa fakkar fi skemi tal-Awtorità tad-Djar bħal “Nikru biex Nassistu” li bbenefikaw 1,300 familja wara investiment ta’ €38 miljun fl-aħħar 8 snin.
Il-Ministru Galdes qal li l-impenn tal-Gvern jibqa’ li jkompli jnaqqas il-lista ta’ stennija filwaqt li jżid l-istokk ta’ akkomodazzjoni affordabbli permezz ta’ bini u inizjattivi ġodda filwaqt li jgħin aktar familji jsiru sidien ta’ djarhom.
“F’konformità mal-Viżjoni Malta 2050, l-akkomodazzjoni tkompli tingħata importanza għaliex hija pilastru tal-ġustizzja soċjali u l-pedament ta’ soċjetà ġusta u inklużiva,” ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Emanuel Psaila li rrefera għax-xogħol li għaddej fuq skemi li għandhom l-għan li jgħinu aktar nies. Huwa semma li fost il-miżuri u l-iskemi li qed jiġu kkunsidrati hemm dawk li huma estremament innovattivi għal pajjiżna.
Is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi, responsabbli għall-Koordinazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050 fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, faħħar id-diskussjoni b’ħafna aspetti. Huwa semma kif il-Viżjoni Malta 2050 hija bbażata fuq il-kwalità tal-ħajja u kif it-tieni pilastru tal-Viżjoni jfittex li jibni pajjiż li jżomm fiċ-ċentru tiegħu lill-individwu, u l-akkomodazzjoni affordabbli hija parti minn dan il-pjan.
Diversi kelliema pparteċipaw ukoll f'diskussjonijiet li saru waqt diversi panels.

