Progress sostanzjali fuq proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali li jinkludi 267 appartament f’Ħal Farruġ
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar il-proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni li għaddej bħalissa f’Ħal Farruġ, li se jipprovdi 267 appartament ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali .
Il-proġett, li jkopri madwar 10,000 metru kwadru, jirrappreżenta investiment ta’ madwar €45 miljun u se jinkludi appartamenti b’kamra tas-sodda waħda, tnejn u tlieta, flimkien ma’ madwar 300 garaxx u spazju għall-parkeġġ.
Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici rreveda l-progress li sar fuq il-proġett, li jkompli jsaħħaħ l-investiment f’akkomodazzjoni ta’ kwalità u joffri aktar opportunitajiet għal familji vulnerabbli biex ikollhom saqaf sigur fuq rashom u dar li tagħtihom dinjità.
“Dar mhijiex sempliċement erba’ ħitan. Tirrappreżenta sigurtà, stabbiltà u post fejn familja tibni ħajjitha. Investiment ta’ din l-iskala huwa għalhekk investiment dirett fil-familji u l-futur tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-proġett jifforma parti minn sforzi kontinwi biex jinħolqu spazji residenzjali ta’ kwalità li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-familji u l-komunità, filwaqt li jipprovdu lill-familji aktar vulnerabbli l-assistenza li jeħtieġu.
Preżenti wkoll waqt iż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Malita Marlene Attard, iċ-Ċermen tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa, is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa.



