Hekk kif l- Awtorità tad-Djar immarkat 50 sena mit-twaqqif tagħha nhar il-Ħadd, 11 ta’ Ottubru, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju komplew bit-tnedija uffiċjali ta’ ħames bolli kommemorattivi b’kollaborazzjoni ma’ MaltaPost.
Dawn it-timbri juru ħames xogħlijiet tal-arti magħżula mill-wirja Malta's Urban and Social Spaces , li bħalissa qed issir fl-Istitut Kulturali Taljan fil-Belt Valletta. Il-wirja tiġbor flimkien 34 xogħol tal-arti li, permezz ta’ perspettivi differenti, jesploraw ir-rabta bejn l-akkomodazzjoni, il-komunitajiet u l-individwi, u joffru interpretazzjonijiet uniċi tal-ispazji urbani u soċjali ta’ pajjiżna.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, dawn il-ħames xogħlijiet tal-arti se jmorru lil hinn mill-wirja nnifisha, jilħqu udjenza usa’ u jsiru parti mill-istorja postali ta’ Malta. B’dan il-mod, se jservu bħala tfakkira dejjiema tal-50 anniversarju tal-Awtorità tad-Djar, filwaqt li jkomplu jwasslu t-tifsiriet u l-perspettivi differenti espressi mill-artisti.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, qal li din l-inizjattiva tgħaqqad flimkien il-kultura, l-arti u l-istorja tad-djar f’pajjiżna, filwaqt li tagħti spazju lill-artisti biex iwasslu l-interpretazzjonijiet tagħhom tal-ambjenti urbani u soċjali li ngħixu fihom. Huwa qal li l-50 anniversarju tal-Awtorità tad-Djar huwa wkoll opportunità biex nagħrfu l-importanza tad-djar fil-ħajja tan-nies u fil-bini tal-komunitajiet.
“Permezz ta’ dawn it-timbri kommemorattivi, il-wirt artistiku marbut ma’ din il-wirja se jkompli jitwassal lil hinn mill-ispazju tal-wirja u jibqa’ tfakkira ta’ dan l-anniversarju importanti,” ikkonkluda l-Ministru Bonnici.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, spjega li għalkemm l-arti u d-djar jistgħu jidhru bħal żewġ dinjiet differenti, it-tnejn jirriflettu r-realtajiet tan-nies u l-postijiet fejn jgħixu ħajjithom. “Ridna li dan il-50 anniversarju jħalli wirt dejjiemi. Permezz ta’ dawn it-timbri kommemorattivi, ħames xogħlijiet tal-arti se jkomplu jgħixu lil hinn mill-wirja u jsiru parti mill-istorja postali ta’ pajjiżna.”
Numru limitat ta’ dawn it-timbri kommemorattivi se jkunu disponibbli mill-uffiċċji tal-Awtorità tad-Djar fi Triq il-Kapuċċini, il-Furjana. Id-donazzjonijiet kollha miġbura se jmorru għal Puttinu Cares.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku kuljum sal-Ġimgħa, 16 ta’ Ottubru, bejn id-9:00 am u t-8:00 pm, fl-Istitut Kulturali Taljan fil-Belt Valletta.






