Servizz Residenzjali Speċjalizzat għal Żgħażagħ bi Sfidi tas-Saħħa Mentali

L-Awtorità tad-Djar, is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali u l-Fondazzjoni Richmond se jingħaqdu flimkien biex jipprovdu akkomodazzjoni u appoġġ liż-żgħażagħ bi sfidi tas-saħħa mentali.

Ġew iffirmati ftehimiet bejn l- Awtorità tad-Djar , is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali u l-Fondazzjoni Richmond għall-kiri u s-subletting ta’ maisonette bi tliet kmamar tas-sodda f’Birkirkara, li se tintuża biex tipprovdi servizz residenzjali speċjalizzat għall-adolexxenti.

Din ir-residenza, l-ewwel waħda tat-tip tagħha għall-Fondazzjoni Richmond għal żgħażagħ ta’ bejn it-13 u s-17-il sena, se toffri ambjent terapewtiku ta’ appoġġ għal dawk li jkunu ħarġu minn kura psikjatrika speċjalizzata. L-għan huwa li tappoġġja t-tranżizzjoni tagħhom lura fil-komunità f’ambjent sigur adattat għall-bżonnijiet emozzjonali, ta’ żvilupp u kliniċi tagħhom. Il-maisonette se takkomoda sa erba’ adolexxenti, bl-appoġġ tal-persunal tal-Fondazzjoni Richmond 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

Is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali kienu l-forza ewlenija wara dan il-programm. Wara li identifikaw nuqqas fis-servizzi għall-adolexxenti li jeħtieġu appoġġ speċjalizzat u strutturat li ma jistax jiġi pprovdut permezz ta’ servizzi residenzjali tradizzjonali, żviluppaw qafas ta’ politika u mexxew sforzi biex dan jittraduċuh f’servizz konkret, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli għall-akkomodazzjoni u l-Fondazzjoni Richmond.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, qal li dan is-servizz jirrappreżenta pass importanti lejn it-tisħiħ tal-kura tas-saħħa mentali fil-komunità. “Irridu li kull żagħżugħ u żagħżugħa jsib l-appoġġ li jeħtieġ f’kull stadju tal-kura tiegħu/tagħha. Is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali identifikaw ħtieġa u ħadmu mas-sħab tagħna biex jirrispondu għaliha b’servizz imfassal apposta għall-adolexxenti. Permezz ta’ dan is-servizz, se ngħinuhom ikomplu l-edukazzjoni tagħhom, jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità u jħarsu lejn il-futur b’aktar kunfidenza,” qal Ian Borg.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, qal li dan il-ftehim jirrifletti l-impenn li nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet għal nies li jeħtieġu appoġġ, partikolarment żgħażagħ li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali.

Il-Ministru Bonnici enfasizza li l-akkomodazzjoni mhijiex biss saqaf fuq ras persuna, iżda wkoll pass importanti lejn aktar stabbiltà, dinjità u integrazzjoni fil-komunità. “Billi nikkollaboraw mar-Richmond Foundation, qed nagħtu lil dawn iż-żgħażagħ opportunità biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom f’ambjent sigur, b’appoġġ adattat għall-bżonnijiet tagħhom.”

Is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali se jiffinanzjaw kemm ix-xogħlijiet ta’ tlestija fuq il-maisonette kif ukoll it-tħaddim tas-servizz u se jkunu responsabbli wkoll għall-valutazzjonijiet kliniċi, il-kriterji tad-dħul, is-superviżjoni kontinwa minn tim multidixxiplinari u l-monitoraġġ tal-kwalità u r-riżultati tal-kura. Dan se jiżgura appoġġ imfassal apposta għall-bżonnijiet ta’ kull adolexxent, filwaqt li l-kura fl-isptar tibqa’ disponibbli kull meta jkun klinikament meħtieġ.

Il-programm jibni fuq kollaborazzjoni eżistenti mar-Richmond Foundation għal persuni minn 18-il sena 'l fuq. Minbarra l-kura u l-appoġġ ta' kuljum, is-servizz se jgħin lill-adolexxenti jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għal indipendenza akbar u jippreparaw għall-età adulta.

Permezz ta’ dan il-ftehim, l-Awtorità tad-Djar se tissussidja 80% tal-ispiża tal-kera tal-proprjetà, filwaqt li s-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali se jħallsu l-kera u jkopru l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti mir-Richmond Foundation.

Iffirmar tal-Kuntratt