STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBIL
Proġett ieħor ta’ riġenerazzjoni fiż-żona tad-djar soċjali f’Ħal Tarxien
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar iż-żona tad-djar soċjali f’Ħal Tarxien, waħda minn diversi binjiet ta’ djar soċjali li qed jiġu riġenerati.
Xogħlijiet estensivi ta’ titjib tal-faċċati tlestew f’Ħal Tarxien f’diversi blokki ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jkopru total ta’ 77 appartament. Investiment ta’ madwar €650,000 ġie allokat għal dan il-proġett, bix-xogħlijiet jitwettqu mill-Awtorità tad-Djar f’kollaborazzjoni ma’ Housing Projects Solutions Limited biex jappoġġjaw ir-riġenerazzjoni urbana u jtejbu l-ambjent estetiku taż-żona.
Waqt iż-żjara fuq il-post, il-Ministru Galdes enfasizza li x-xogħlijiet li saru f’Ħal Tarxien mhumiex proġett ta’ darba iżda parti minn sensiela ta’ proġetti f’diversi lokalitajiet maħsuba biex jagħtu ħajja ġdida liż-żoni ta’ housing soċjali f’pajjiżna.
“L-għan ewlieni tar-riġenerazzjoni huwa li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u li jittella’ l-istandard taż-żoni fejn qed jitwettqu dawn il-proġetti. Dan se jindirizza wkoll l-isfidi li wieħed jiffaċċja f’suq dinamiku bħal dak tad-djar,” qal il-Ministru Galdes.
Huwa qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jgħaqqad il-valur tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti mas-sostenibbiltà tal-post fejn jgħixu. “Aħna impenjati li nkomplu naħdmu lejn akkomodazzjoni dinjituża u ambjent ta’ kwalità madwar l-inħawi tal-akkomodazzjoni soċjali li huma ta’ livell għoli favur id-dinjità tar-residenti.” ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Xogħlijiet simili ta’ riġenerazzjoni saru wkoll fil-Gudja, il-Mosta, Santa Luċija, il-Marsa, il-Fgura, Ta’ Ġiorni, iż-Żejtun u l-Ħamrun.

