Investiment ta’ €6.7 Miljun f’Xogħlijiet ta’ Tisbiħ u Manutenzjoni ta’ Bini ta’ Akkomodazzjoni Soċjali

720 familja fi 13-il lokalità se jibbenefikaw minn dan l-investiment

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Dr Andy Ellul, ħabbar il-pjan ta’ ħidma ta’ din is-sena għar-riġenerazzjoni ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali fi 13-il lokalità.

Dr Ellul ħabbar li dan il-proġett se jitwettaq f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, b’investiment totali ta’ kważi €7 miljun. Ħabbar ukoll li total ta’ 720 familja li jgħixu f’aktar minn 100 bini ta’ akkomodazzjoni soċjali se jibbenefikaw minn dan il-proġett.

Waqt konferenza stampa fiż-Żejtun, is-Segretarju Parlamentari Dr Ellul żvela li l-akbar minn dawn il-proġetti jinsab fiż-Żejtun. Malli jitlestew, ix-xogħlijiet se jirriżultaw fir-riġenerazzjoni ta’ 16-il binja, bi kważi 100 familja jibbenefikaw minn dawn ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni. Il-familji fil-blokki tad-djar soċjali taż-Żejtun se jibbenefikaw minn investiment totali ta’ €882,000.

Xogħlijiet oħra ta’ riġenerazzjoni se jsiru wkoll f’6 blokki residenzjali f’Ħal Għaxaq, b’total ta’ 54 familja li se jibbenefikaw minn investiment ta’ aktar minn €600,000.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li se jsiru xogħlijiet f’Santa Luċija, li se jibbenefikaw kważi 60 familja. Il-kwalità tal-ħajja għal 55 familja fil-Gżira, 18-il familja fil-Kalkara, u 128 familja oħra fir-Rabat, Għawdex, se titjieb ukoll permezz ta’ dan l-investiment. Se jsiru wkoll xogħlijiet ta’ titjib u manutenzjoni f’bini f’Ħ’Attard u f’Ħal Luqa. Dr Ellul żied jgħid li għaddejjin ukoll xogħlijiet fuq 42 bini ieħor fil-Marsa, Raħal Ġdid, Marsascala, Ta’ Xbiex, u l-Mosta.

Waqt il-konferenza stampa, Dr Ellul qal li filwaqt li l-Gvern jibqa’ impenjat li jinvesti fi proprjetajiet addizzjonali ta’ akkomodazzjoni soċjali, jemmen ukoll fi proġetti ta’ manutenzjoni kontinwi biex jindirizza l-kwistjonijiet eżistenti mingħajr dewmien. Huwa enfasizza li d-dinjità mhix biss dwar li wieħed ikollu saqaf fuq rasu, iżda wkoll dwar li jgħix f’ambjent deċenti li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

“Qed nuru b’mod ċar li, għall-Gvern, l-akkomodazzjoni soċjali hija ta’ importanza ċentrali f’termini ta’ ġustizzja soċjali, ambjent komunitarju, u kwalità tal-ħajja,” qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul. Huwa tenna l-messaġġ li l-Gvern qed jibgħat permezz ta’ proġetti bħal dawn: li kull resident u kull komunità għandhom jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom. Dr Ellul ġedded l-impenn tal-Gvern, fejn stqarr li fix-xhur u s-snin li ġejjin, ir-riġenerazzjoni tal-proprjetajiet tad-djar se tkompli bħala parti mill-viżjoni tiegħu li jinvesti fin-nies u l-komunitajiet.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ikkonkluda billi stqarr li dawn il-proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali mhumiex biss bini iżda jirrappreżentaw komunità li jistħoqqilha ambjent stabbli u dinjituż.

Ix-xogħol fuq dawn il-proġetti se jinkludi restawr tal-faċċati, titjib fid-daħliet tal-bini, aġġornamenti tal-infrastruttura fejn meħtieġ, u titjib fl-ispazji komuni.

Dan il-proġett jimxi id f'id ma' diversi proġetti oħra li l-Gvern qed jipprijoritizza biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.