Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Dr Andy Ellul ħabbar li minn din is-sena, l-għotja marbuta mar-riabilitazzjoni ta’ djar vakanti, li sussegwentement jiġu inkorporati fl-inventarju tal-Awtorità tad-Djar, se tirdoppja għal €50,000.
Dr Ellul ħabbar ukoll li l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-għotja ġew riveduti: filwaqt li qabel il-proprjetà kellha tkun mill-inqas 30 sena biex tikkwalifika, proprjetajiet li ilhom mibnija għal 20 sena issa jistgħu jikkwalifikaw għall-għotja. “B’dan il-mod qed inwessgħu l-eliġibbiltà għal min jista’ japplika għal din l-iskema,” spjega Dr Ellul.
L-Iskema ta’ Riabilitazzjoni ta’ Djar Vakanti għall-Kiri (RVU) hija inizjattiva fejn individwu li jippossjedi proprjetà li ilha vakanti għal aktar minn sena jista’ jibbenefika minn fondi biex isewwi jew jirriabilita din il-proprjetà. Ladarba x-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni jitlestew, il-proprjetà mbagħad titqiegħed fuq l-iskema ‘Nikru biex ma nassistux’. Sas-sena l-oħra, kull applikant irċieva sa €25,000, madankollu din is-sena l-għotja ġiet irduppjata għal massimu ta’ €50,000.
Waqt konferenza stampa li saret f’Ħal Għaxaq, fejn tħabbru bidliet f’din l-iskema, is-Segretarju Parlamentari Dr Ellul spjega kif dan il-mudell qed joħloq ċertezza għaż-żewġ partijiet involuti. Huwa nnota li, min-naħa tas-sid, hemm serħan il-moħħ permezz ta’ ftehim ta’ kiri ta’ għaxar snin mal-Awtorità tad-Djar li jiżgura dħul stabbli. Fl-istess ħin, għal dawk l-aktar fil-bżonn, l-iskema tipprovdi saqaf sigur fuq rashom, li joffrilhom dinjità u stabbiltà.
Dr Ellul stqarr ukoll li din l-iskema tifforma parti minn portafoll usa’ ta’ inizjattivi offruti mill-Awtorità tad-Djar bil-għan li tiżdied il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli. “Permezz ta’ din l-iskema għas-sidien tal-proprjetà, jistgħu jsiru xogħlijiet ta’ tiswija strutturali biex proprjetajiet vakanti u abbandunati jiġu restawrati għal standard deċenti u abitabbli għall-użu residenzjali.”
Dr Ellul żied jgħid li l-bidliet f’din l-iskema jiffurmaw parti minn sistema usa’ ta’ akkomodazzjoni soċjali. “Din l-iskema hija mudell sostenibbli li jgħaqqad l-interessi tas-sidien tal-proprjetà mal-użu effiċjenti tal-proprjetà, filwaqt li jindirizza l-bżonnijiet soċjali tal-pajjiż,” qal Dr Ellul. “Permezz ta’ din l-inizjattiva, nistgħu nkomplu nipprovdu dinjità lil aktar nies u aktar familji u niżguraw li kull persuna f’Malta jkollha saqaf fuq rasha.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, spjega li “permezz ta’ din l-iskema qed tiġi offruta opportunità lil individwi anzjani li għandhom dar tal-vaganzi u jixtiequ jagħmlu użu aħjar minnha, kif ukoll lil familji li wirtu proprjetà antika li baqgħet vakanti minħabba l-piż finanzjarju tar-restawr tagħha.” Is-Sur Zerafa żied jgħid li l-għotja ta’ €50,000 tista’ tintuża biex tkopri firxa ta’ xogħlijiet, inklużi tiswijiet strutturali, alterazzjonijiet jew estensjonijiet meħtieġa, xogħlijiet elettriċi, tal-plumbing u tad-drenaġġ, kif ukoll it-tiswija jew is-sostituzzjoni ta’ madum, aperturi u bibien, fost oħrajn.