Fl-2025, kważi familja waħda kuljum saret sid ta’ dar permezz tal- iskemi tal-Awtorità tad-Djar . Dawn l-iskemi huma mibnija fuq tliet objettivi ewlenin: li jsaħħu s-sjieda tad-djar, inaqqsu l-piż tal-kera fuq il-kerrejja u jtejbu l-kwalità u l-adegwatezza tad-djar li fihom jgħixu l-familji.
Dawn ir-riżultati ġew ippreżentati waqt żjara kordjali bejn il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici, is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara u l-maniġment tal-Awtorità tad-Djar, li din is-sena timmarka l-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha. Matul il-laqgħa, ġew diskussi l-kisbiet tal-Awtorità tad-Djar fl-2025, kif deskritti fir -Rapport Annwali tagħha, filwaqt li ġie ppreżentat ukoll il-Pjan Strateġiku għall-2027–2029.
Fl-2025, l-Awtorità tad-Djar għenet aktar minn 15,200 familja permezz ta’ investiment ta’ €50 miljun. Minn dawn, 339 familja ngħataw l-appoġġ meħtieġ biex isiru sidien ta’ djar.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dawn ir-riżultati juru kif il-politika tal-gvern fil-qasam tad-djar tkompli tagħmel differenza konkreta fil-ħajja tan-nies.
“Meta kważi familja waħda kuljum tirrealizza l-ħolma li ssir sid ta’ dar, inkunu qed naraw ir-riżultati ta’ politika li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħha. L-akkomodazzjoni mhix biss saqaf fuq ras il-familji, iżda pedament għas-sigurtà, id-dinjità u kwalità ta’ ħajja aħjar. Se nkomplu ninvestu sabiex aktar nies ikunu jistgħu jibnu futur stabbli għalihom infushom u għall-familji tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.
Is-CEO tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li l-Awtorità qed tinbidel minn entità li tirrispondi għall-isfidi għal waħda li tantiċipahom. “Billi ninvestu fit-teknoloġija, ir-riċerka u sistemi aktar intelliġenti, qed noħolqu organizzazzjoni aġli kapaċi tipprovdi soluzzjonijiet għall-bżonnijiet tal-lum filwaqt li tipprepara għar-realtajiet ta’ għada. Dan kollu biex noffru servizzi aktar effiċjenti, aktar moderni u dejjem aktar qrib in-nies.”




Ir-Rapport Annwali jenfasizza wkoll titjib sinifikanti f'oqsma oħra tax-xogħol tal-Awtorità. It-trasformazzjoni diġitali wasslet għal servizz aktar effiċjenti u tnaqqis sostanzjali fil-ħinijiet ta' stennija, bil-ħin medju tal-ipproċessar għall-applikazzjonijiet tal-Iskema tal-Benefiċċju tal-Kera jonqos minn 69 jum għal 23 jum.
Fl-istess ħin, investiment ta’ aktar minn €4.2 miljun wassal għar-riġenerazzjoni ta’ 79 blokk residenzjali, l-installazzjoni ta’ 42 lift ġdid u 1,207 interventi ta’ manutenzjoni u tiswija. L-Awtorità kompliet ukoll twessa’ s-servizzi tagħha lejn l-aktar vulnerabbli permezz ta’ kważi 1,000 valutazzjoni mit-tim tal-ħaddiema soċjali, programm estensiv ta’ sensibilizzazzjoni u kollaborazzjoni ma’ NGOs u gruppi komunitarji. Barra minn hekk, kompliet tikkollabora ma’ entitajiet oħra biex tiffaċilita r-reintegrazzjoni ta’ persuni li joħorġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u introduċiet miżuri ġodda biex issaħħaħ l-appoġġ lil persuni li qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika.
L-Awtorità qed tħares ukoll lejn il-futur permezz tal-Pjan Strateġiku 2027–2029, li jistabbilixxi viżjoni għal Awtorità dejjem aktar moderna u innovattiva li tibqa’ qrib in-nies li taqdi.
Sal-2028, l-għan huwa li l-Awtorità ssir kompletament mingħajr karti, b'portal wieħed għall-iskemi kollha, proċessi aktar effiċjenti u netwerk ta' ċentri reġjonali madwar Malta u Għawdex biex is-servizzi jkomplu jersqu eqreb lejn il-komunitajiet.
Il-pjan jinkludi wkoll investimenti fis-sostenibbiltà u l-effiċjenza enerġetika tal- akkomodazzjoni soċjali , kif ukoll użu usa' tal-intelliġenza artifiċjali biex jitħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u jittejbu s-servizzi.