L-ebda Żieda fil-Kera għall-Pensjonanti li Jgħixu f'Akkomodazzjoni Soċjali

B'effett immedjat, l-ebda żieda fil-kera għall-pensjonanti li jgħixu f'akkomodazzjoni soċjali .

Wara emenda fil-politika, il-pensjonanti li jgħixu fi proprjetajiet tal-Awtorità tad-Djar se jkunu protetti minn kwalunkwe żieda fil-kera fil-futur li tista’ tirriżulta minn eżerċizzji ta’ reviżjoni tal-kera.

Il-miżura l-ġdida tfisser li ladarba l-kera ta’ kerrej tkun ġiet stabbilita abbażi tal-fatt li huwa pensjonant, din ma tibqax tkun soġġetta għal żidiet matul reviżjonijiet futuri tal-kera li jsiru mill-Awtorità tad-Djar minn żmien għal żmien. L-emenda tapplika wkoll għal pensjonanti li l-kera tagħhom diġà ġiet ikkalkulata mill-ġdid fl-eżerċizzju ta’ reviżjoni li għaddej biex jiġi żgurat trattament ugwali għall-familji eliġibbli kollha.

Filwaqt li t-titjib riċenti fil-mekkaniżmu tal-kalkolu tal-kera diġà wassal għal valutazzjonijiet aktar ġusti u favorevoli għall-kerrejja, il-Gvern identifika l-ħtieġa li jintroduċi salvagwardja addizzjonali għall-pensjonanti li jiddependu primarjament fuq id-dħul mill-pensjoni tagħhom.

Din ir-riforma tinsab fil-qalba tal-impenn ta’ dan il-Gvern lejn l-anzjani, billi tirrikonoxxi l-kontribut li taw lis-soċjetà tagħna matul ħajjithom u tirrifletti t-twemmin tal-Gvern li l-anzjani tagħna għandhom igawdu l-irtirar tagħhom b’aktar stabbiltà finanzjarja u serħan il-moħħ, mingħajr biża’ ta’ żidiet fil-kera fil-futur.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, qal li din l-emenda hija eżempju ieħor ta’ Gvern li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tiegħu.

“Flimkien mal-Awtorità tad-Djar, ħadt din id-deċiżjoni għax nemmen bis-sħiħ li l-anzjani tagħna jistħoqqilhom appoġġ kontinwu permezz ta’ politika li tagħmel differenza reali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Billi jiżgura li l-pensjonanti ma jiffaċċjawx żidiet fil-kera wara reviżjonijiet futuri tal-kera, dan il-Gvern qed jagħti ċertezza, stabbiltà, serħan il-moħħ, u sigurtà lil eluf ta’ anzjani li jiddependu mid-dħul tal-pensjoni tagħhom. Din hija miżura ta’ ġustizzja soċjali li tirrifletti l-valuri li dejjem mexxew lil dan il-Gvern.”

Il-Ministru Bonnici żied jgħid li din il-miżura se ssaħħaħ aktar il-bosta inizjattivi li ġew introdotti matul dawn l-aħħar snin biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, inkluż iż-żieda fil-pensjonijiet għal tlettax-il sena konsekuttiva, sussidji fuq il-prezzijiet tal-ilma u tad-dawl, il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u akkomodazzjoni soċjali, kif ukoll din l-aħħar miżura, li qed tagħti lill-anzjani aktar sigurtà finanzjarja u aktar serħan il-moħħ.