Proġett ta' Akkomodazzjoni Soċjali f'Bormla se jinkludi 69 Appartament u 97 Spazju għall-Parkeġġ

Ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ housing soċjali f’Bormla qed jimxu ‘l quddiem, bl-iżvilupp mistenni jinkludi 69 appartament u 97 spazju għall-parkeġġ.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq proġett ieħor ta’ housing soċjali , din id-darba f’Bormla, li permezz tiegħu se jinħolqu 69 appartament ġdid u 97 spazju għall-parkeġġ għal familji vulnerabbli.

Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici segwa l-progress li sar fuq il-proġett, li jifforma parti mix-xogħol kontinwu biex tiżdied l-akkomodazzjoni soċjali sabiex aktar familji jkunu jistgħu jaċċessaw dar ta’ kwalità li toffri sigurtà u stabbiltà.

“Meta ninvestu f’akkomodazzjoni soċjali, inkunu qed ninvestu direttament fil-kwalità tal-ħajja tal-familji l-aktar vulnerabbli. Dan il-proġett f’Bormla se jirriżulta f’69 dar ġdida u, għal kull familja li tibbenefika minn waħda minnhom, jirrappreżenta opportunità ġdida biex inħarsu lejn il-futur b’aktar serħan tal-moħħ u stabbiltà,” qal il-Ministru Bonnici.

Proġett tad-Djar Soċjali Bormla - 3
Proġett tad-Djar Soċjali Bormla - 1
Proġett tad-Djar Soċjali Bormla - 4
Proġett tad-Djar Soċjali Bormla - 2

Il-proġett jirrappreżenta investiment ta’ madwar €21 miljun u se jinkludi appartamenti b’kamra tas-sodda waħda, kif ukoll appartamenti b’żewġ u tliet kmamar tas-sodda. Il-kumpless se jinkludi wkoll madwar 97 spazju għall-parkeġġ.

Preżenti għaż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malita Marlene Attard, iċ-Ċermen tal- Awtorità tad-Djar Robert Ducker, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa u s-Sindku ta’ Bormla Marco Agius, flimkien ma’ membri tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.

Il-proġett f’Bormla huwa parti mill-investiment kontinwu fl-akkomodazzjoni soċjali, bil-għan li jinħolqu aktar spazji residenzjali ta’ kwalità li jwieġbu għall-bżonnijiet ta’ familji u komunitajiet vulnerabbli.