Finanzjament tal-Awtorità tad-Djar għat-Turnlifts biex Tittejjeb l-Aċċessibilità tad-Djar f'Malta

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBILI

L-Iskema għal Persuni b'Diżabilità issa tapprova aktar minn applikazzjoni waħda għal stairlift kuljum bħala medja.

Minn mindu tnediet din l-iskema tal-awtorità tad-djar ġew approvati 3,000 applikazzjoni għal stairlifts, b'investiment ta' aktar minn €18-il miljun.

Waqt konferenza stampa, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar li sa tmiem Awwissu, ġew investiti aktar minn €4.5 miljun għall-finanzjament ta’ stairlifts.

L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li tgħin lil persuni b’diżabilità jew sfidi ta’ mobilità jtejbu l-aċċessibbiltà fi djarhom, filwaqt li tappoġġja għajxien indipendenti jew semi-indipendenti.

Bejn l-2023 u l-2025, ġew approvati aktar minn 1,600 stairlift f’diversi residenzi f’Malta u Għawdex. Fil-fatt, din is-sena diġà ġew approvati 454 applikazzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-iskema issa tapprova medja ta’ aktar minn applikazzjoni waħda għal stairlift kuljum.

“Il-provvista ta’ servizzi bħal din l-iskema tippermetti lill-anzjani u lil dawk bi bżonnijiet ta’ mobilità jkomplu jgħixu fil-komunitajiet u fid-djar tagħhom, u b’hekk tittejjeb kemm il-mobilità kif ukoll il-kwalità tal-ħajja.” qal il-Ministru Galdes.

L-iskema, amministrata mill-Awtorità tad-Djar, tipprovdi assistenza finanzjarja sa €7,000 għall-installazzjoni ta’ stairlift.

Is-CEO tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, stqarr li l-Awtorità tad-Djar, permezz tal-inizjattivi tagħha, qed tiżgura li n-nies ikomplu jgħixu b’dinjità u indipendenza fil-komunitajiet li fihom trabbew.