Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, ħabbar investiment ta’ €762,021 f’xogħlijiet ta’ tisbiħ fi 11-il blokka ta’ appartamenti f’Ta’ Xbiex, li minnhom se jibbenefikaw 91 familja.
Ix-xogħlijiet bdew fi Frar u mistennija jitlestew sa tmiem din is-sena.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Bonnici qal li dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Housing Estates filwaqt li jżomm il-bini residenzjali f’kundizzjoni tajba.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li dawn ix-xogħlijiet mhux biss itejbu d-dehra tal-lokalità iżda jikkontribwixxu wkoll għal ambjent aktar sigur u sostenibbli għall-familji li jgħixu f’dawn l-appartamenti.
Permezz ta’ programm iddedikat għat-titjib u l-manutenzjoni tal-Housing Estates, qed isiru xogħlijiet estensivi fuq il-faċċati, is-soqfa u l-partijiet komuni tal-blokki residenzjali biex titjieb il-kundizzjoni tal-bini u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Fost ix-xogħlijiet li qed isiru f’dawn il-blokki tad-djar f’Ta’ Xbiex hemm ir-restawr tal-faċċati, il-ftuħ ta’ linji u punti, it-tiswija tal-konkrit tal-gallariji, żebgħa u tikħil, kif ukoll l-installazzjoni ta’ għata tal-ventijiet. Tindif ġenerali, applikazzjoni ta’ membrana likwida, żebgħa u tikħil tat-turġien, riorganizzazzjoni tat-tankijiet tal-ilma u l-pajpijiet u tneħħija tal-asbestos mis-soqfa, fejn meħtieġ, huma fost ix-xogħlijiet li qed isiru. Il-partijiet komuni se jibbenefikaw minn tikħil u żebgħa tal-ħitan u s-soqfa interni, żebgħa tal-poġġamani tat-turġien, tiswijiet jew aġġornamenti tas-sistema tad-dawl, installazzjoni ta’ intercoms ġodda fejn meħtieġ, sostituzzjoni ta’ armarji tal-arloġġi tal-injam b’oħrajn tal-aluminju, xogħlijiet fuq il-madum u l-irħam, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-aperturi fiż-żoni komuni.
Is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv ta’ Housing Projects Solutions Marisa Marmara, iċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex Simeon Nechev kienu wkoll preżenti għal din iż-żjara.