Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Andy Ellul, żar ix-xogħlijiet ta’ titjib u tisbiħ li għaddejjin f’żona ta’ housing soċjali fil-Marsa.
Dan il-proġett għandu valur stmat ta’ €700,000 u jinkludi xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-faċċati, is-soqfa, u l-partijiet komuni. Il-proġett ikopri 11-il blokka residenzjali u se jkun ta’ benefiċċju dirett għal 57 familja. Ix-xogħlijiet bdew f’Ottubru 2025 u huma skedati li jitlestew sa Marzu 2026.
Iċ-Chairperson tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker enfasizza li l-investiment kontinwu f'żoni eżistenti jibqa' prijorità ewlenija, u stqarr li l-proġetti ta' riġenerazzjoni mhux biss itejbu l-kundizzjoni fiżika tal-bini iżda wkoll isaħħu l-identità tal-komunità u jiżguraw li d-djar pubbliċi jibqgħu adattati għall-iskop tagħhom.
Emile Lauria, Maniġer Anzjan fid-Dipartiment tal-Ġestjoni tal-Infrastruttura, spjega li l-ippjanar u l-koordinazzjoni bir-reqqa huma ċentrali għal dawn il-proġetti, biex jiżguraw li x-xogħlijiet jitwettqu b'mod effiċjenti filwaqt li jimminimizzaw it-tfixkil għar-residenti u jipprovdu valur fit-tul.
Dawn ix-xogħlijiet jiffurmaw parti minn programm ta’ tisbiħ ferm usa’ li qed jiġi implimentat madwar il-pajjiż kollu. Matul l-2025, tlestew total ta’ 79 blokk residenzjali – 48 taħt il-programm tal-2025 u 31 oħra li ġew trasferiti mill-programm tal-2024. L-infiq fuq xogħlijiet ta’ tisbiħ matul is-sena ammonta għal €4.27 miljun.
Fil-preżent, bdew proġetti oħra fil-Mosta u Ta' Xbiex. Ix-xogħlijiet fil-Mosta jiffokaw fuq il-manutenzjoni tas-saqaf, filwaqt li dawk f’Ta’ Xbiex jinkludu titjib fil-faċċati, partijiet komuni, u soqfa. Aktar siti skedati li jibdew aktar tard din is-sena taħt il-programm 2026 jinkludu Ħ’Attard, Marsaskala, Raħal Ġdid, Gżira, Santa Luċija, Kalkara, u Ħal Luqa.
B’kollox, il-programm ta’ tisbiħ tal-2026 se jindirizza 62 blokk residenzjali b’investiment stmat ta’ €3,547,747. Fl-istess ħin, għaddej ippjanar għal 15-il blokka oħra f’Taċ-Ċawla f’Għawdex, fejn se jsiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-faċċati bi spiża stmata ta’ €789,302.
Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, total ta’ 410 familja f’disa’ lokalitajiet differenti f’Malta se jibbenefikaw minn xogħlijiet ta’ tisbiħ matul l-2026, flimkien ma’ 120 familja oħra f’Għawdex.
L-Awtorità tad-Djar tibqa’ impenjata li tissalvagwardja l-istokk tad-djar tagħha permezz ta’ investiment kontinwu, filwaqt li tiżgura li l-oqsma tad-djar pubbliċi jkomplu jilħqu standards moderni filwaqt li jirrispettaw il-pajsaġġ urban u soċjali li qed jevolvi.


