L-Iskema SensAbility Imġedda biex Tappoġġja Akkomodazzjoni Inklużiva u Dinjituża

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBIL

Waqt konferenza stampa, il-ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, ħabbar it-tiġdid tal-iskema SensAbility. Matul l-aħħar erba’ snin, investiment ta’ madwar €310,000 ippermetta lil 64 familja jibbenefikaw minn din l-iskema, billi pprovdiet kmamar multisensorjali fid-djar tagħhom għal tfal u adulti bl-awtiżmu, ADHD, Down syndrome, u bżonnijiet oħra ta’ żvilupp jew sensorji.

“Meta ħabbarna din l-iskema, enfasizzajna li din l-inizjattiva hija xhieda ta’ politika olistika u dinamika, politika li mhijiex ibbażata fuq xi lista statika li ma tiġix modifikata kif meħtieġ. Permezz ta’ din il-mentalità, nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa, li jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja ta’ kull ċittadin, mingħajr ma nagħmlu distinzjoni bejn persuna u oħra. Dan għaliex nemmnu tassew fid-dinjità ta’ kull persuna, kif ukoll fil-promozzjoni tal-abbiltajiet tal-individwu,” qal il-Ministru Galdes.

Il-ministru spjega li l-iskema tipprovdi finanzjament sa €6,000 għal kull applikazzjoni, mingħajr ma tkun soġġetta għal test tal-mezzi jew id-dħul tal-familja tal-applikant. Huwa żied jgħid li l-benefiċjarji jistgħu jarmaw kamra multisensorjali mfassla skont il-bżonnijiet individwali tagħhom, iddisinjata speċifikament biex tgħaqqad firxa ta’ stimuli li jappoġġjaw l-iżvilupp sensorjali u jtejbu l-użu ta’ sensi partikolari.

“Kelli pjaċir nitkellem mal-ġenituri u l-familji tal-benefiċjarji, li qasmu d-differenza li din il-kamra, mgħammra b’tagħmir speċjalizzat, għamlet fid-dar tagħhom stess billi saħħet il-kapaċitajiet ta’ dawk li jibbenefikaw mill-iskema. Dan jirrifletti l-objettiv ewlieni tal-iskema: li tipprijoritizza l-bżonnijiet tal-benefiċjarji u tiżgura li jgħixu f’ambjent dinjituż li jissodisfa l-bżonnijiet personali tagħhom,” ikkonkluda l-Ministru Galdes.

Is-CEO tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa enfasizza li “permezz tal-Approċċ Iċċentrat fuq il-Klijent, l-Awtorità qed tpoġġi r-realtajiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji li taqdi fiċ-ċentru tal-operazzjonijiet kollha tagħha.”