Ftehim Ġdid dwar id-Data tad-Djar bejn l-Awtorità tad-Djar u ARMS Ltd

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA

Iffirmat ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u ARMS Ltd favur aktar kollaborazzjoni fuq il-proprjetà immobbli f'Malta .

Il-Gvern qed ikompli jiġbor informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-proprjetà f’pajjiżna, din id-darba permezz ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni u kondiviżjoni ta’ dejta bejn l-Awtorità tad-Djar u ARMS Ltd.

L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li l-Gvern ikollu stampa ċara tas-sitwazzjoni tad-djar għal skopijiet ta’ riċerka u titjib fil-politika relatata mal-istess qasam, filwaqt li jiżgura li din id-dejta tkun protetta.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes enfasizza l-importanza ta’ dan il-ftehim bħala pass ’il quddiem fit-titjib tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. “Permezz ta’ dan il-ftehim, se jkollna stampa aktar realistika u preċiża tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’Malta, li hija essenzjali biex titkompla l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jgħinu lil dawk li jeħtieġu appoġġ mill-istat,” qal.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli enfasizzat l-aspett tas-sostenibbiltà tal-inizjattiva. “Dan il-ftehim huwa pass konkret lejn l-użu tal-konsum tal-enerġija bħala punt ta’ referenza għall-politiki u l-inizjattivi. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, se nkunu nistgħu nmexxu inizjattivi aktar ġusti u sostenibbli,” qalet.

Dan il-ftehim joħloq struttura bejn l-entitajiet li tippermetti u tiffaċilita r-riċerka, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-istatistika b'mod olistiku. Permezz ta' din l-informazzjoni, l-Awtorità tad-Djar se tkun tista' tifhem aħjar l-effiċjenza tal-proprjetajiet residenzjali f'Malta. Fil-futur, l-Awtorità tkun tista' tippromwovi aktar l-użu effiċjenti tal-proprjetà billi taġġorna l-iskemi tagħha u tintroduċi skemi ġodda.

“L-iffirmar ta’ dan l-MOU huwa pass importanti lejn aktar trasparenza u effiċjenza fis-settur tad-djar. Qed nibnu l-politika u l-miżuri ta’ appoġġ tagħna bbażati fuq dejta u informazzjoni li jibbenefikaw kemm lir-residenti kif ukoll lill-imsieħba soċjali kollha f’dan is-settur.” Spjega Matthew Zerafa, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, filwaqt li enfasizza l-importanza tad-dejta u r-riċerka fl-iżvilupp futur.

George Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv tal-ARMS, innota li l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet governattivi twassal għal operazzjonijiet aktar effettivi u effiċjenti, iggwidati mid-dejta u r-riċerka, li fl-aħħar mill-aħħar jgħinu biex jissaħħu l-politiki nazzjonali.