Għaddejjin Xogħlijiet f’Ħal Kirkop fuq Proġett ta’ Djar Ġdid ta’ 89 Appartament

Jibda x-xogħol fuq proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni għal familji vulnerabbli f’Ħal Kirkop

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar is-sit ta’ proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni għal familji vulnerabbli f’Ħal Kirkop. Il-proġett se jikkonsisti minn 89 appartament mifruxa fuq tmien blokki residenzjali. Se jinkludi wkoll madwar 70 garaxx u spazju għall-parkeġġ.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-proġett jifforma parti mill-isforzi kontinwi biex jiżdiedu aktar l-opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni għal familji vulnerabbli f’Malta.

“Akkomodazzjoni deċenti hija importanti biex tipprovdi lill-familji u lill-individwi b’aktar stabbiltà u serħan tal-moħħ. Permezz ta’ dan l-investiment f’Ħal Kirkop, se nżidu 89 appartament ġdid, li, ladarba jitlestew, jistgħu jiġu allokati skont il-proċeduri tal- Awtorità tad-Djar . Dan il-proġett jirrifletti l-impenn tagħna li nkomplu ninvestu f’akkomodazzjoni għal familji vulnerabbli u noħolqu aktar opportunitajiet għal dawk li jeħtieġu appoġġ għall-akkomodazzjoni,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-proġett se jinvolvi investiment ta’ madwar €8.2 miljun, li jkopri xogħlijiet ta’ skavar, kostruzzjoni, installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll xogħlijiet ta’ finitura. Din l-istima ma tinkludix l-ispiża tal-liftijiet.

Bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ skavar fis-sit, u dan jirrappreżenta stadju importanti fit-tħejjija taż-żona għall-fażi li jmiss tal-proġett, jiġifieri l-fażi tal-kostruzzjoni.

Preżenti waqt iż-żjara kien hemm ukoll is-CEO ta’ Housing Projects Solutions, il-Perit Thomas Tanti, iċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit, u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop.

Żjara f'Ħal Kirkop f'Akkomodazzjoni Soċjali.1
Żjara f'Hal Kirkop f'Akkomodazzjoni Soċjali.2
Żjara f'Hal Kirkop f'Akkomodazzjoni Soċjali.3